Aġġornata: Mal-2,000 siġra titneħħa minn Kennedy Grove

Huwa stmat li b’kollox, mal-2,000 siġra se titneħħa mill-ġnien ta’ Kennedy Grove. Elf minn dawn tqaċċtu u tneħħew għax kienu “speċi invasiva”. L-elf l-ieħor qed jinqalgħu u jitħawlu f’lokalitajiet oħra.
Skont tweġibiet li tat lil Newsbook.com.mt, Transport Malta qalet li l-qtugħ ta’ siġar sar bħala parti mill-proġett ta’ Triq il-Kosta u qabel ma beda l-proċess, TM għamlet konsultazzjoni mad-Direttorat tal-Ambjent u l-MEPA.
Transport Malta qalet ukoll li għamlet konsultazzjoni ma’ entitajiet kompetenti, fosthom il-Fondazzjoni għal Ambjent Aħjar.  
Ma’ Newsbook, TM qalet li s-siġar li nqalgħu minn posthom tpoġġew f’lokalitajiet differenti bħal Pembroke, Marsaxlokk, Santa Venera, Ħad Dingli u ta’ Qali.
Oħrajn reġgħu tpoġġew f’Kennedy Grove stess filwaqt li dawk is-siġar li huma speċi rari, ingħataw lil nurseries lokali u lill-Ġonna tal-Argotti.  
Finalment, Transport Malta qalet li hi għandha l-mandat li tħawwel numru ta’ siġar bħala kumpens. Din id-darba, TM se tħawwel speċi indiġena minflok speċi invasiva. 

23.07.14, 6pm: Reazzjoni mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura
Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal li s-siġar li tneħħew kienu mifruxin fuq tul ta’ 7.3 kilometri u mhux f’Kennedy Grove biss.
Fi stqarrija b’reazzjoni għall-istorja li dehret fuq Newsbook.com.mt, il-Ministeru saħaq li ħafna minn dawn is-siġar li tneħħew kienu arbuxelli. Tenna li ħafna mis-siġar li tqaċċtu huma siġar invażivi filwaqt li oħrajn li nqalgħu minn posthom tpoġġew f’lokalitajiet differenti.
L-istqarrija tfakkar kif l-Gvern se jkun qed jinvesti mill-inqas €300,000 f’faċilitajiet rikreattivi u tisbiħ fil-park tas-Salini biex jikkumpensa għall-inkonvenjenzi bit-twessigħ ta’ Triq il-Kosta.