Mal-100 persuna arrestati f’Londra minħabba protesti vjolenti

Police officers detain a protester following a clash near Downing Street during a "Black Lives Matter" protest following the death of George Floyd who died in police custody in Minneapolis, London, Britain, June 3, 2020. REUTERS/Toby Melville

Aktar minn 100 persuna ġew arrestati f’Londra wara li kien hemm protesti vjolenti lbieraħ.

Il-BBC tirrapporta li dawk li kienu qed jipparteċipaw fil-protesti, li wħud minnhom kienu attivisti tal-lemin estrem, attakkaw lill-pulizija. Huma saħqu li kienu qegħdin jipproteġu l-istatwi, wara li waqt uħud mill-protesti li qegħdin isiru bdew jitwaqqgħu statwi ta’ personaġġi marbutin mal-iskjavitù.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li m’hemmx lok għall-kriminalità razzjali fit-toroq Ingliżi.

Intant, ilbieraħ ukoll, kien hemm għadd ta’ protesti ta’ paċi u kontra r-razziżmu f’Londra u madwar il-pajjiż kollu.

Fi Franza, il-pulizija allegaw li l-attivisti li kienu qegħdin jipprotestaw kontra r-razziżmu f’Pariġi bdew juru vjolenza. Huma sparaw il-gass tad-dmugħ fuq l-attivisti meta dawn bdew iwaddbu l-ġebel għax ma tħallewx jipprotestaw.

Il-protesti ta’ kontra r-razziżmu huma parti mill-moviment Black Lives Matter, mibdi fl-Amerka, li dan l-aħħar tqajmet ħafna kuxjenza fuqu wara l-qtil ta’ George Floyd f’Minneapolis mill-pulizija.

F’Malta saret protesta kontra r-razziżmu nhar it-Tnejn waranofsinhar fil-Belt Valletta, sabiex issir ġustizzja ma’ Lassana Cisse Souleymane, immigrant li nqatel kiesaħ u biered f’April tal-2019. Fl-istess waqt, saret protesta mill-patrijotti Maltin.