Mal-1,000 plejer f’Malta għat-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-8-ball pool

Mal-1,000 plejer tal-eight-ball pool, u għadd ta’ ammiraturi ta’ din il-logħba se jkunu qed jiġu Malta għat-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-eight-ball pool.
L-aħħar darba li dan il-kampjonat sar f’Malta kien fl-2013, u minn dakinhar il-Federazzjoni Maltija tal-Eight-Ball applikat mill-ġdid u ngħatat l-approvazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isports, Clifton Grima, qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li hu ta’ unur għal Malta li tospita avveniment bħal dan.
“Meta wieħed jitkellem dwar dan l-avveniment hu ovvju li se jkun hawn influss turistiku u dan hu importanti ħafna għal Malta għax ikompli jsaħħaħ il-viżjoni ta’ dan il-gvern – li naraw lill-pajjiż bħala n-niċċa fejn Malta tkun id-destinazzjoni turistika għall-isport”, żied jgħid Grima.
Irrimarka li fil-baġit, kien hemm żieda minn €2.7 miljun għal €8.1 miljun fil-vot kapitali allokat għall-isports.
Miegħu kien hemm il-President tal-federazzjoni, Roderick Tanti, li qal li jinsab sodisfatt li avveniment ta’ dan il-kalibru se jsir f’pajjiżna.
Il-kampjonat se jsir fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, bejn it-tieni u t-8 tax-xahar.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isports, David Agius.