Maħżen ta’ supermarket ssanitizzat; ħaddiem pożittiv għall-Covid-19

Read in English.

Il-maħżen tal-Valyou fin-Naxxar ġie ssanitizzat nhar it-Tnejn li għadda, wara li ġie kkonfermat li wieħed mill-ħaddiema tal-maħżen, irrizulta pożittiv għal Covid-19.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li ħadet il-miżuri kollha immedjatament taħt id-direzzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa, biex tiżgura s-saħħa tal-ħaddiema u l-klijenti tagħha. Żiedet tgħid li l-Ministeru taha parir li l-ħanut jista’ jibqa’ jopera wara li ttieħdu l-miżuri ta’ sanità. Il-proċess ta’ sanitizzazzjoni ġie ċċertifikat ukoll minn kumpanija professjonali f’dan il-qasam.

Il-ħaddiem milqut kien storekeeper u ma kellu l-ebda kuntatt mal-klijenti. Kollegi tieghu fil-maħżen, li kellhom kuntatt dirett miegħu, ingħataw kwarantina obbligatorja. Fl-istess waqt, il-kumpaniji kollha li magħhom kellu kuntatt riċenti, ġew avżati b’dan il-każ, kif issuġġerew l-awtoritajiet.

Kemm il-maħżen kif ukoll is-supermarket innifsu ġew sanitizzati, minkejja li l-ħaddiem ma kienx daħal fis-supermarket, peress li dan kien jaħdem biss fil-maħżen. Dan sar bħala miżura ta’ prekawzjoni addizzjonali.

Ix-xahar li għadda, il-kumpanija ħarġet b’numru ta’ miżuri b’reazzjoni għal Covid-19, li waħda minnhom kienet li bdiet tiċċekkja t-temperatura tal-ħaddiema hekk kif kienu jaslu għax-xogħol. Il-ħaddiem affettwat ma wera l-ebda sintomi jew deni li tipikament huma assoċċjati mal-virus. Huwa ma daħalx għax-xogħol nhar il-Ħadd li għadda minħabba uġigħ fl-istonku, u wara ġie identifikat bħala każ pożittiv; u minn dakinhar ma reġax daħal għax-xogħol.

Internament il-kumpanija kienet avżat lill-ħaddiema kollha li vvjaġġaw riċentament sabiex josservaw id-direttivi tal-Ministeru għas-Saħħa, u t-temperatura tagħhom kienet u għadha qed tittieħed kuljum. Il-ħaddiema kollha jilbsu lbies protettiv f’kull ħin.

Barra minn hekk, il-kumpanija implimentat ukoll numru ta’ miżuri preventivi, fosthom aktar sigurtà fuq il-post,  sanitisers f’kull daħla, u diversi sinjali li jindikaw id-distanza soċjali xierqa bejn in-nies fis-supermarket.

Il-kumpanija qalet li se tkompli tieħu kull miżura biex tiżgura s-sigurtà tal-impjegati u l-klijenti tagħha u tenna li din hija l-prijorità ewlenija.