Maħtur il-bord ta’ inkjesta biex jinvestiga l-każ tal-isparatura fil-Gżira

Il-Prim Ministru Joseph Muscat illum ħatar bord ta’ inkjesta biex tinvestiga l-allegazzjonijiet relatati mal-każ tal-isparatura tal-eks-xufier tal-Ministru Manuel Mallia.
Il-Bord, li hu magħmul minn tliet eks-ġudikanti, hu maħtur skont l-Att tal-Inkjesti, se jitmexxa mill-Imħallef Emeritu Alberto Magri. Il-membri se jkunu l-Imħallfin Emeriti J D Camilleri u Philip Sciberras.
Il-Gvern qal li l-għan ta’ din l-inkjesta hu li tinvestiga l-aġir tal-Ministru Manuel Mallia u ta’ uffiċjali oħra relatati mal-każ, li fih kien involut ukoll membru tal-Korp tal-Pulizija assenjat mal-Ministeru.
Fost oħrajn, il-bord se jiddetermina jekk kienx hemm involviment mhux xieraq min-naħa tal-Ministru Mallia u uffiċjali oħra fil-każ.
Ir-rapport finali għandu jasal għand il-Prim Ministru fi żmien ħmistax-il ġurnata mil-lum.

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo