Maħtur eks-imħallef biex josserva r-relazzjoni bejn l-ERA u l-PA

L-Imħallef irtirat, Joseph David Camilleri, inħatar mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, José Herrera, sabiex jieħu ħsieb ir-relazzjoni kultant fraġli li hemm bejn l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Awtorità tal-Ippjanar (PA).
Dan hekk kif issa għaddiet sena mindu l-MEPA nqasmet fiż-żewġ awtoritajet imsemmija.
Dakinhar kienu bosta l-kummenti minn entitajiet oħra dwar dan il-qsim f’partijiet iżgħar, fosthom minn għaqdiet ambjentali u l-Kamra tal-Periti.
Herrera qal li bil-għajnuna ta’ Camilleri, iż-żewġ entitajiet se jissaħħu sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz regulatorju effettiv u effiċjenti.
L-għan finali ta’ dil-ħatra hu li titjieb il-komunikazzjoni bejn l-ERA u l-PA, u jitnaqqsu d-differenzi li jqumu minn żmien għal żmien.
L-Imħallef Camilleri hu familjari ma’ kif jaħdmu ż-żewġ entitajiet, hekk kif kien Ċerpersin tal-Kumitat ta’ Pariri dwar il-Wirt Naturali.