“M’aħniex waħidna” – l-Isqof Grech b’riflessjoni dwar il-friegħi taż-żebbuġ

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Isqof Mario Grech qal li fil-festa ta’ Ħadd il-Palm, l-Insara għandhom jiftakru li mhumiex waħidhom. Dan għax fl-immaġinazzjoni tagħna jkollna l-friegħi taż-żebbuġ f’idejna u b’hekk “infakkru lil xulxin li aħna ma aħniex waħidna”.

Fisser kif iż-żebbuġ ifakkarna fiż-żejt tal-konsagrazzjoni tal-Magħmudija u tal-Konfirmazzjoni tagħna u li dakinhar aħna rċivejna l-Ispirtu s-Santu, li hu l-qawwa ta’ Alla.

Dwar it-talba tiegħu li jinġabru fondi biex jinxtara ventilator, l-Isqof Grech qal li kien hemm ġenerożità kbira iżda qal li din ma kinitx inizjattiva li turi dubju li l-Istat ma għandux il-mezzi meħtieġa.

Fl-Omelija tiegħu, l-Isqof Grech għamel messaġġ ta’ kuraġġ lill-poplu fejn appella biex ma naqtgħux qalbna:

Imma dan ngħidu wkoll lilna llum: bil-friegħi taż-żebbuġ qisna dik il-ħamiema li ħabbret il-ħajja lil Noè wara li kien intemm id-dilluvju. L-għargħar kien ikrah għax ġab ħerba; imma għadda u mar. Hekk ukoll ser jiġri lilna u madwarna: din il-pandemija tgħaddi, u jkollna riġenerazzjoni ta’ dak kollu li huwa tajjeb. Ma naqtgħux qalbna.

Min-naħa l-oħra l-Isqof qal li l-bniedem qed jinduna bil-limitazzjonijiet tiegħu li juru li m’aħniex allat:

Fil-fatt, li wieħed jiġi konxju mil-limitazzjonijiet tiegħu u nintebħu li aħna ma aħniex allat, għalija diġà huwa akkwist kbir! Ħafna qed jerġgħu jiskopru l-ġmiel tal-ħajja tal-familja – fejn qabel konna tellieqa mal-ħin u ma għandna ħin għal ħadd, issa l-familja qed issib il-gost li tkun flimkien! Is-sens ta’ solidarjetà li hawn bejnietna wkoll huwa frott bnin!

Huwa temm l-Omelija b’awgurju biex nilqgħu lil Kristu fostna hekk kif fi tmiem din il-ġimgħa l-Knisja tiċċelebra l-Għid il-Kbir.