“M’aħniex responsabbli għan-nuqqas tal-vaċċin tal-influwenza fl-ispiżeriji privati” – spiżjara

Il-Kamra tal-Ispiżjara u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) qegħdin javżaw li l-ispiżjara u l-ispiżeriji mhumiex responsabbli għall-iskarsezza tal-vaċċin kontra l-influwenza fil-privat.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Ispiżjara u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji spjegaw li r-raġuni hija n-nuqqas dinji tal-vaċċin, u li din is-sitwazzjoni wasslet biex l-aġenti awtorizzati ma jkunux fornuti biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda tal-ispiżeriji privati.

Żiedu jgħidu li “ma jistax isir l-impossibbli jekk l-istokk tal-vaċċin huwa skars u mhumiex qed jingħataw biżżejjed stokk mill-aġenti għal dawk l-ordnijiet tagħhom li saru xhur ilu.” Huma talbu lill-pubbliku jifhem iċ-ċirkustanzi straordinarji tal-pandemija u l-effetti li din tħalli.

Appellaw lin-nies biex ma jurux nuqqas ta’ rispett lejn l-ispiżjara jew il-ħaddiema fl-ispiżeriji minħabba din l-iskarsezza. L-appell tagħhom kien ukoll sabiex dawk li ma jinqdewx fil-privat, jirrikorru għas-servizz pubbliku skont l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.