“M’aħniex nagħtu free ticket għat-tqarbin”

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li bil-linji gwida għas-saċerdoti biex jakkumpanjaw fost l-oħrajn lill-persuni separati u divorzjati, l-Isqfijiet Maltin mhux qed jagħtu free ticket għat-tqarbin.
F’intervista waqt Xarabank, l-Arċisqof spjega li l-Isqfijiet qed jimxu mat-tagħlim tal-Papa Franġisku u l-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu, Amoris Lætitia (Il-Ferħ tal-Imħabba).
Qal li l-Isqfijiet qed iwasslu t-tagħlim u x-xewqa tal-Papa biex dawn in-nies li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet kumplessi, ma jkunux maqtugħin għalihom.
Wissa li dan mhux proċess awtomatiku u ta l-eżempju ta’ xi ħadd li lejlet il-preċett tat-tifel ikun irid jirranġa s-sitwazzjoni.
Spjega li s-saċerdoti għandhom dover jidħlu fi djalogu ma’ dawn il-persuni b’rispett u b’imħabba.
Ħeġġeġ lill-persuni f’dawn is-sitwazzjonijiet biex jiltaqgħu u jibdew djalogu ta’ onestà mas-saċerdot. Elenka kif is-saċerdot jagħrbel x’ġara mill-ħajja tal-persuna, kif waslet għas-sitwazzjoni u jekk hemmx affarijiet li jistgħu jitranġaw. B’hekk jista’ jgħin lill-persuna tasal li jkollha l-paċi f’qalbha u ma’ Alla.
Fakkar li l-Isqfijiet Maltin m’humiex ibiddlu l-liġi t’Alla imma qed iwasslu t-tagħlim tal-Papa u l-messaġġ ta’ ħniena tiegħu fl-Amoris Lætitia.