“M’aħniex kuntenti dwar Manoel Island” – Graffiti

Il-Moviment Graffiti stqarr li mhux kuntent bil-pjanijiet sabiex tiġi żviluppata parti minn Manoel Island.
Madanakollu, fi stqarrija, Andre Agius, mill-Moviment qal kif qed iħarsu b’mod pożittiv lejn il-Ftehim tal-Ħarsien li ġie iffirmat mal-Kunsill Lokali tal-Gżira, ibbażat fuq reviżjoni tal-masterplan għal Manoel Island li jnaqqas l-ammont ta’ żvilupp, u l-ħolqien tal-Fondazzjoni Manoel Island sabiex tiżgura li l-kumpanija MIDI żżomm ma’ dan il-ftehim.
Fl-istqarrija nsistew li l-Ftehim u l-Fondazzjoni huma żvilupp pożittiv fil-kuntest tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-MIDI li jinsistu li wara qbil bejn iż-żewġ partiti fil-Parlament fl-2000, dan il-post ta’ valur ingħata lill-kumpanija privata u seta’ wassal għall-qerda totali ta’ Manoel Island.
Agius insisita li l-fatt li ma kienx possibbli li Manoel Island tiġi salvatha kollha għandu jiftaħ għajnejn kulħadd għall-perikli, li jgħidu li huma marbuta mal-privatizzazzjoni t’art pubblika. 
Jisħaq li n-nies mhux se jibbenifikaw minn lukanda fl-isptar storiku tal-Lazzarett, u mill-bini ta’ vilel lussużi f’żona li diġa hija kkummerċjalizzata ħafna. 
Agius għamel referenza wkoll għall-proġetti oħra simili ta’ privatizzazzjoni bħas-sit tal-ITS u ż-Żonqor li ngħataw lil kumpaniji privati.