“M’aħniex kapaċi mmorru ‘l quddiem mingħajr korruzzjoni?”- Delia

Delia Zgħazagħ PN
PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia staqsa jekk il-pajjiż kienx kapaċi jimxi ‘l quddiem mingħajr korruzzjoni.

Dan qalu waqt attività politika fuq il-Fosos tal-Furjana li fiha numru ta’ żgħażagħ magħżula minn qabel staqsewh mistoqsijiet. Mistoqsi dwar il-korruzzjoni li kieku kien Prim Ministru, Delia qal li ma tantx idum jaħsiba biex ikeċċi nies li jkun qrib tiegħu li jkunu nqbadu f’xi każ tal-ħasil tal-flus jew tal-evażjoni tat-taxxa. “Mingħajr il-korruzzjoni maħniex kapaċi mmorru ‘l quddiem?” staqsa Delia. Delia stqarr li kellu t-tama li dan kien possibbli.

PN aktar żagħżugħ

Delia qal li jrid li l-PN jerġa’ jsir żagħżugħ u biex jagħmel użu mill-enerġija u mill-ideat taż-żgħażagħ. Mistoqsi dwar l-opportunitajiet tax-xogħol li jrid joħloq, Delia qal li fil-passat Gvern Nazzjonalista kien fetaħ setturi tas-servizzi finanzjarji u tal-avjazzjoni fost oħrajn.

Il-PN jibqa’ kontra l-abort

Delia kkonferma li l-PN kien u għadu kontra l-abort. Stqarr li din “mhix konvinzjoni ta’ arroganza” jew għax ma jridx dibattiti. Dwar persuni LGBT, Delia saħaq li ħadd m’għandu jiġi stigamtizzat jew intimidat.

Dwar l-ambjent…

Dwar l-ambjent Delia qal li tul is-snin il-Maltin ħadu aktar mill-pajjiż milli taw lura. Spjega li wieħed m’għandux iħares lejn l-ambjent bħala l-għadu tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Spjega li wieħed għandu jagħmel aktar użu mir-riħ, mix-xemx, u mill-baħargħall-enerġija nadifa.