M’aħniex id-dustbin tal-Ewropa

Unsplash

Ilbieraħ il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 94 persuna. Operazzjoni oħra ta’ salvataġġ li pajjiżna għandu għax jiftaħar biha. Kull meta pajjiżna jsalva n-nies, ikollna biex niftaħru. Il-Gvern jagħmel sew meta jassigura li nsegwu l-obbligi legali tagħna u ħaqqu tifħir għal dan. Aħna ngħidu iżjed minn hekk. Aħna irridu nimxu b’umanità aktar milli bit-tħaris tal-obbligi legali biss. Iżda dak diskors għal darba oħra.

Mill-94 persuna li salvaw, 66 kellhom il-coronavirus. Għal darb’oħra grazzi lill-Forzi Armati u lill-awtoritajiet tas-saħħa li b’ħidmiethom biex isalvaw in-nies anke jipperikolaw lilhom infushom. Salvaw il-ħajjiet tal-immigranti u issa bl-azzjoni tagħhom ta’ swabbing qed jipproteġu lill-Maltin mill-mard u jikkuraw lill-immigranti. Il-pajjiż għandu jkun grat.

Mhux l-immigranti l-problema

Dan in-numru ġab miegħu ħafna kliem razzista mimli mibgħeda. Dawk li kitbu dan il-kliem barra li għal darb’oħra neżżgħu lilhom infushom mill-umanità tagħhom urew li ma fehmu xejn. Dawn l-immigranti bil-coronavirus tpoġġew fil-kwarantina. Ma għandhom l-ebda kuntatt ma’ Maltin u persuni oħra. Ma jistgħu jinfettaw lil ħadd.

Il-problema li qed jiffaċċja l-pajjiż fejn jidħol it-tixrid tal-coronavirus mhux mill-immigranti ġejja iżda ġejja mill-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-massa bħal parties u marċijiet tal-festi, fost l-oħrajn. F’pajjiżna qed tiżdied il-lista tal-organizzazzjonijiet tas-saħħa u ta’ min iħaddem li qed jgħidu lill-Gvern li dawn ma għandhomx jitħallew isiru. Dawk responsabbli mis-saħħa u mill-ekonomija, lill-Gvern qed jgħidulu biex ibiddel ir-rotta. Ma’ din il-lista dejjem titwal issa anke żdied Dr Alfred Sant.

Għall-kuntrarju, bħal vuċi fid-deżert ħareġ Jason Micallef jgħajjar lil min qed jitlob għall-prudenza bħala konservattivi kontra l-Gvern u ħafna aġġettivi bombastiċi oħra. Imma lil Micallef ħadd ma jieħdu bis-serjetà.

Social distancing ma jistax issir

Agħar u agħar issa l-Gvern qed jiftaħar li ġejjin l-eluf minn barra minn Malta għal dawn il-parties massiċċi. Wieħed minnhom se jsir f’Malta għax pajjiż ieħor irrifjuta li jorganizzah. Aħna m’aħniex id-dustbin tal-Ewropa biex naċċettaw li norganizzaw parties bħal dawn. Jiġu minn barra l-eluf bla ebda restrizzjoni, jaqbżu fuq xulxin, jitbaħartu, iħallu l-flus u jxerrdu l-virus. Mela għal ftit flus lesti narmu saħħitna?

Meta l-Gvern jgħid li l-attivitajiet tal-massa jistgħu jsiru l-aqwa li jkun hemm social distancing ikun qed jgħaddi ż-żmien bin-nies. Ħadd f’sensieh ma jemmen li tista’ tagħmel party u marċ tal-festa fejn ix-xorb alkoħoliku jitqassam b’abbundanza u f’dan il-party jew marċ se jkun hemm social distancing.

Qegħdin sew! Jekk tkun fil-knisja hemm ir-restrizzjonijiet kollha ta’ social distancing u ma jistax isir kant. Hekk għandu jkun u dawk il-knejjes li mhux qed iħarsu dan kollu bi skruplu qed jabbużaw. Allura kif wieħed jista’ jiġġustifika li f’party jew marċ tal-festa (li kif qalet il-Kurja mhux organizzati mill-Knisja) tixrob, tħokk mal-oħrajn u tkanta u twerżaq bla rażan? Il-virus ma jagħmilx differenza bejn il-Knisja u l-party jew marċ!

Ibdel id-direzzjoni

Il-Prim Ministru jeħtieġ li ma jibqax iwebbes rasu.

Huwa kien jgħid li jħalli x-xjenza tmexxih. Issa l-għaqdiet kollha tal-professjonisti li huma mimlija xjenzati qed jgħidulu li x-xjenza tgħid bil-maqlub ta’ dak li qed jagħmel hu. Minflok jisma’ minnhom qed jgħidilhom biex ma jbeżżgħux lin-nies.

L-istrateġija tal-Gvern kontra l-pandemija sa issa rnexxiet u ta’ dan ħaqqu prosit il-Gvern. Huwa ċar ukoll li bilfors ridna nibdew niftħu ċerti affarijiet. Huwa ċar ukoll li l-maġġoranza tan-nies riedu li jkunu mnaqqsa ċerti restrizzjonijiet. U sar sew li bdejna niftħu. 

Iċ-ċifri issa qed juruna li f’xi affarijiet ftaħna żżejjed. L-għaqal jitlob li fejn ftaħna żżejjed nerġgħu nagħlqu. L-ebda għajb jew umiljazzjoni jekk isir hekk. Anzi jkun sinjal ta’ maturità u għaqal li nneħħu l-periklu. 

Jekk il-Prim Ministru jibqa’ jwebbes rasu qed jissogra li dak kollu li batejna għalih isir suf. Hu żgur ma jridx hekk; u lanqas aħna. Lill-Prim Ministru nappellawlu jsegwi x-xjenza u l-vuċi tar-raġuni.