“Maħfra assoluta tingħata biss jekk wieħed juri bil-provi li hu innoċenti” – studju

Miguela Xuereb

Il-maħfra li jagħti l-Gvern, magħrufa bħala l-Maħfra Presidenzjali tingħata b’mod assolut biss jekk persuna turi bil-provi li hija innoċenti. Dan ħareġ f’teżi ppreżentata bħala parti mill-lawrija tad-Dottorat tal-Liġi (LL.D.), li tanalizza l-Kostituzzjoni ta’ Malta, partikolarment il-parti dwar il-Maħfra Presidenzjali.

L-istudju juri kif skont Artiklu 93, jekk wieħed ma jirnexxielux juri li huwa innoċenti iżda jirnexxielu biss iqajjem dubji serji dwar il-ħtija tiegħu, hu jkun jista’ jingħata biss remissjoni. Din hija waħda minn erba’ tipi ta’ maħfriet li l-Kostituzzjoni tippermetti li jsiru mill-President.

Aqra: Yorgen Fenech jitlob maħfra presidenzjali; l-AĠ jikkunsidraha

Ir-riċerka partikolari bl-isem ta’ ‘The Presidential Pardon’ saret minn Anne Marie Degabriele fl-2013.

X’inhuma t-tipi ta’ maħfriet presidenzjali l-oħrajn?

Il-Maħfra Presidenzjali hija dritt garantit mill-Kostituzzjoni ta’ Malta taħt artiklu 93. L-artiklu jispeċifika t-tipi differenti ta’ maħfriet li jistgħu jingħataw mill-gvern.

Hemm maħfra li tingħata lil persuna li hija parti minn jew qed tiġi akkużata f’Qorti Kriminali kemm għal xi kriminalità kif ukoll għal xi kontravenzjoni. Maħfra ħielsa hija meta wieħed jingħata maħfra mingħajr ebda kundizzjoni. Maħfra kundizzjonata hija meta persuna tingħata maħfra filwaqt li tintalab issegwi xi kundizzjonijiet għaliha.

Il-maħfra tista’ tingħata kemm lil persuni li jkunu għadhom għaddejja minn proċedimenti fil-Qorti, kif ukoll dawk li jkunu diġà nstabu ħatja b’reat u ngħatatilhom is-sentenza. L-istudju jispjega kif bosta jaħsbu li l-maħfra tħassar is-sentenza ta’ persuna. Madanakollu, il-maħfra għandha biss il-poter li tirrevoka l-effetti tas-sentenza, iżda l-akkuża nnifisha tibqa’ teżisti. Din tista’ biss titneħħa kompletament minn Qorti li tħassar id-deċiżjoni li tkun ittieħdet qabel fil-konfront tal-persuna.

Aqra: Maħfra presidenzjali tiġi jekk toħroġ il-verità sħiħa – storiku

Tip ieħor ta’ maħfra mill-President tagħtih il-jedd li jipposponi b’mod definit jew indefinit is-sentenza ta’ persuna li tkun instabet ħatja mill-Qorti. Il-President jista’ wkoll jiddeċiedi li jnaqqas il-ħruxija tas-sentenza ta’ persuna partikolari. Din it-tip ta’ maħfra ġeneralment tintuża meta wieħed iħoss li l-Qorti għamlet żball fid-digriet tagħha u ma ħarsitx biżżejjed lejn l-evidenza preżenti.

Il-maħfra kundizzjonata f’Malta

L-istudju jitkellem dwar numru ta’ każijiet li fihom ingħatat il-maħfra kundizzjonata f’Malta. Filwaqt li jsemmi li din ingħatat numru ta’ drabi, issemmi żewġ każijiet partikolari li huma fost l-aktar popolari.

Fl-1996, Joseph Fenech magħruf bħala Żeppi l-Ħafi kien ingħata l-maħfra presidenzjali taħt il-kundizzjoni li kellu jikkopera mal-Pulizija, b’mod speċjali fejn jidħol l-attentat ta’ qtil tal-assistent personali tal-Prim Ministru, Richard Cachia Caruana. Din il-maħfra setgħet tintuża għall-każijiet kollha pendenti tiegħu. Fis-snin preċedenti, tliet każijiet li kienu miftuħin fil-konfront ta’ Fenech kienu waqgħu.

Fl-2013 kienet ħarġet maħfra presidenzjali oħra dwar l-iskandlu taż-żejt. George Farrugia, negozjant magħruf, kien talab lill-President għall-maħfra sabiex ikun jista’ jiżvela l-ismijiet tal-persuni involuti fl-iskandlu tal-akkwist taż-żejt mill-Enemalta.

X’inhuma l-proċeduri ta’ maħfra presidenzjali?

L-istudju jidħol fid-dettall ukoll dwar il-proċedura ta’ kif wieħed jingħata l-Maħfra Presidenzjali f’Malta. Din tista’ tingħata biss mill-President tar-Repubblika u trid tkun iffirmata minnu. Madanakollu, mhux il-President inniffsu jiddeċiedi jekk persuna għandhiex tingħata l-maħfra jew le. Dan iżda, isegwi l-istruzzjonijiet tal-Avukat Ġenerali, tal-Ministru għall-Ġustizzja jew tal-Kabinett.

Il-prattika l-aktar komuni ta’ kif wieħed jibda jitqies biex jingħata l-maħfra presidenzjali hija li wieħed iħares lejn iċ-ċirkustanzi tal-offiża partikolari, il-proċeduri kriminali inkwistjoni, l-istat li fih tinsab il-persuna akkużata u li tiġi kkonsultata l-vittma. Petizzjoni għall-maħfra tista’ tinbeda minn kull ċittadin, inkluż il-persuna li qed tiġi akkużata. Il-midja wkoll għandha l-jedd li tiftaħ petizzjoni għall-maħfra presidenzjali.

Jiġifieri jekk wieħed iħares lejn iċ-ċans ta’ maħfra presidenzjali għas-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-petizzjoni qed tkun mibdija mill-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu.

Aqra: Assassinju Daphne: Il-PM jirrakkomanda maħfra presidenzjali

Wara li l-petizzjoni tasal għand il-President, tibda ssir konsultazzjoni mal-awtoritajiet, fosthom il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kabinett, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. L-opinjoni tal-Avukat Ġenerali hija waħda mill-aktar importanti hekk kif ikun hu li jiddeċiedi għall-President. Minkejja li l-maħfra presidenzjali, f’isimha, donna turi li hija xi ħaġa li tinħareġ mill-President, huwa propju l-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi dwarha. L-irwol tal-President huwa dak li jiffirma b’ismu.

X’jiġri wara li tingħata l-maħfra presidenzjali?

Wara li d-dokument tal-maħfra jiġi ffirmat mill-President, kopja tiegħu tingħata lill-applikant. Dawk li jingħataw il-maħfra presidenzjali titneħħielhom is-sentenza tal-ħtija mill-kondotta tagħhom.