Magri qed jimxi fuq il-passi tal-eks Kummissarju – Occupy Justice

Occupy Justice

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri qed jimxi fuq il-passi tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, skont l-attivisti ta’ Occupy Justice.

Fi stqarrija l-grupp Occupy Justice fakkar li xahrejn ilu sejjaħ għall-arrest tal-individwi involuti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Qalu li l-pjan tal-assassinju jinvolvi nies f’Kastilja. Qalu li għadhom qed jistennew għal dawn l-arresti.

L-attivisti akkużaw lil dawn in-nies b’serq ta’ flus il-poplu li suppost qed jaqdu. Qalu li kieku l-fondi jkunu jistgħu jintużaw għall-edukazzjoni, għas-saħħa, għall-pensjonijiet, u għall-ambjent.

Skont Occupy Justice dawn il-persuni setgħu jaġixxu b’impunità minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija. Skont l-attivisti, il-Korp tilef il-kredibilità tiegħu kollha fl-aħħar jiem.

Intqal li hemm biżżejjed informazzjoni fid-dominju pubbliku biex il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ bħalissa Carmelo Magri jagħmel l-arresti. Skont l-attivisti, jidher li Magri qed jimxi fuq il-passi tal-eks Kummissarju Lawrence Cutajar u mhu qed jagħmel xejn.