Magna ġdida tal-MRI: 100 test iktar fil-ġimgħa

Prime Minister Robert Abela inaugurates a new MRI unit Mater Dei Hospital, Msida
Il-Prim Ministru Robert Abela nwagura magna ġdida tal-MRI fl-isptar Mater Dei

Fl-isptar Mater Dei ġiet inawgurata magna ġdida tal-MRI li se twassal biex isiru 100 eżami mediku aktar fil-ġimgħa. Din il-magna ġiet iffinanzjata mill-fondi ewropej b’investiment ta’ €3.5 miljun.

Din il-magna ġiet inawgurata mill-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li se jkompli jinħoloq il-ġid ekonomiku li jindirizza lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn fosthom il-pazjenti u l-vulnerabbli. Żied li permezz ta’ dan l-investiment il-lista ta’ stennija se tkompli tonqos. Fl-Isptar Mater Dei jsiru madwar 700 eżami tal-MRI fil-ġimgħa, b’100 minnhom isiru fi sptarijiet oħra. Permezz ta’ din il-magna l-ġdida, se jibdew isiru mal-100 eżami tal-MRI aktar fil-ġimgħa.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li għal żmien twil biex wieħed jagħmel MRI kien ikollu jistenna sena u nofs u issa qiegħed jistenna f’inqas żmien. Huwa qal li l-lista ta’ stennija naqset minħabba l-investiment li sar kif ukoll id-dedikazzjoni tal-ħaddiema f’dan id-dipartiment.

Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-finanzjament tal-apparat tal-MRI kien ta’ €3.5 miljun kofinanzjati b’fondi Ewropej u jifforma parti minn proġett ferm ikbar ta’ €38 miljun. Dr Zrinzo Azzopardi spjega li dan jinkludi mhux biss l-MRI iżda apparat speċjalizzat ieħor ta’ investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

Il-magna hija tal-aħħar teknoloġija u qed issir kollaborazzjoni bejn l-Isptar Mater Dei u l-Università ta’ Malta sabiex tkun tista’ ssir ir-riċerka mixtieqa.

MAtul l-2017 saru iktar minn 63,000 CT Scan u MRI.