Maġistrat tordna investigazzjoni kriminali fuq l-eks Kummissarju tal-Pulizija

Read in English.

Il-Maġistrat Rachel Montebello talbet biex tibda investigazzjoni kriminali kontra l-eks kummissarju Lawrence Cutajar dwar il-possibilità tal-involviment tiegħu li wassal informazzjoni relatata mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-Avukat Jason Azzopardi li qiegħed jidher għall-qraba tal-ġurnalista għamel din it-talba fil-Qorti fl-aħħar tal-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tan-negozjant Yorgen Fenech. Is-seduta llum damet għaddejja disa’ sigħat. 

L-avukati li qegħdin jidhru għall-akkużat, Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca kollha qablu mat-talba ta’ Azzopardi.

Il-Maġistrat laqgħet it-talba ta’ Azzopardi u ordnat investigazzjoni kriminali. 

Fix-xhieda tiegħu Johann Cremona li kien sħab fin-negozju ma’ Yorgen Fenech, qal li Theuma kien allegatament infurmat mill-eks Kummissarju li l-Europol tinsab konxja tar-rikordings li huwa kellu ma’ Fenech. Cremona qal ukoll li Cutajar kien staqsieh biex jisma’ dawn ir-recordings qabel ma’ Theuma jkun arrestat. Cremona stqarr li Theuma kien infurmat li huwa kien suġġett għall-investigazzjoni ta’ ħasil ta’ flus mill-eks Kummissarju nnifsu.

Fil-Qorti Cremona xehed li Theuma qal li Cutajar kien staqsa lil Edgar Brincat magħruf bħala l-Ġojja dwar dawn ir-recordings sigrieti. Brincat kien arrestat ma’ Melvin Theuma iżda ġie meħlus ftit wara.

Il-Ġojja qal li kien ilu jaf lill-eks Kummissarju madwar 30 sena minn Birżebbuġa. Huwa qal li kien  mar ikellem lil Cutajar id-dar wara li kien qala’ ċitazzjoni. Matul il-laqgħa tagħhom l-eks Kummissarju kien qallu li Theuma kien involut f’każ jaħraq. Cutajar kien talab ir-recordings ta’ Theuma lil Brincat. Min-naħa tiegħu l-Ġojja qal li Theuma u Cutajar ma kinux jafu lil xulxin iżda Theuma kien infurmat meta kienu se jsiru r-rejds.

Jintemm il-kuntratt ta’ konsulenza tal-eks Kummissarju

Hekk kif sar magħruf li l-eks Kummissarju Lawrence Cutjar se jkun qed jiġi investigat il- Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar ħareġ stqarrija li b’effett immedjat se jkun qed itemm il-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Cutajar.

Cutajar jibqa’ sospiż sakemm jiċċaraw l-affarijiet – Byron Camilleri

Aktar kmieni fil-Parlament il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-kuntratt ta’ konsulenza ta’ Lawrence Cutajar ġie sospiż b’mod definittiv fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu meta kien kummissarju tal-pulizija.

Camilleri qal dawn waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami. Camilleri żied li hu ħass li kellu jieħu din id-deċiżjoni sakemm ikunu ċari x’kienu l-fatti.

Għal mistoqsija oħra tal-istess interpellant, il-Ministru qal li sakemm Cutajar jibqa’ sospiż la jitħallas u lanqas se jgawdi minn benefiċċji oħra li joħorġu mill-kuntratt li kellu mal-Ministeru tal-Intern.

Keċċi lil Chris Cardona – PN lil Abela

Fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista ħareġ qabel id-deċiżjoni tal-Gvern, saħaq li l-Prim Ministru għandu jkeċċi minnufih lil Lawrence Cutajar bħala konsulent tal-Gvern. Żied jgħid li Abela għandu jkeċċi lil Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara l-allegazzjonijiet li saru fil-kontront tiegħu.