​Maġistrat lill-Pulizija: Sibu l-akkużat inkella jkollu jiġi hawn il-Kummissarju

Il-Maġistrat Ian Farrugia wissa lill-Kummissarju tal-Pulizija li jekk raġel li ġie ordnat jidher fil-Qorti ħames snin ilu b’rabta mal-evażjoni tat-taxxa jibqa’ ma jitfaċċax, il-Kummissarju stess se jkun ordnat biex jagħti spjegazzjoni lill-Qorti.
L-akkużat residenti n-Nadur ilu maħrub ħames snin u dejjem naqas milli jattendi s-seduti tiegħu fil-Qorti. Il-Pulizija kemm il-darba rrapurtat li qatt ma rnexxielha ssib lill-akkużat. Il-qraba tal-akkużat ukoll qed jallegaw li ma jafux fejn jinsab. Il-każ kien infetaħ kontra r-raġel mid-Direttur tat-Taxxi Interni.
Dalgħodu l-Maġistrat iddikjara li jekk l-akkużat ma jiġix għas-seduta li jmiss fid-9 ta’ Mejju, il-Qorti se tkun qed issejjaħ lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar biex jispjega għalfejn dan ir-raġel ma setax jinstab. Il-Maġistrat saħaq li mhux se jaċċetta li l-Kummissarju jibgħat rappreżentat f'ismu.