Maġistrat jikkritika lill-Pulizija għax tilfu fajl ta’ każ

Il-maġistrat Joe Mifsud dalgħodu kkritika lill-Korp tal-Pulizija, li dam sitt snin biex ressaq każ quddiem il-Qorti minħabba li tilef id-dokumenti tal-każ għal xi żmien.
Il-pulizija kienet arrestat lill-akkużat f’Settembru tal-2011, minħabba li allegatament għamel qligħ ta’ madwar €5,000 f’tagħmir tal-bugħaddasa b’mezzi kontra l-liġi.
Madankollu, l-ispettur tal-pulizija li kien qed jinvestiga l-każ irtira xi żmien wara, u d-dokumenti ma ġewx mgħoddija lil spettur ieħor.
Il-magistrat sostna li dan l-aġir mhuwiex aċċettabbli, u li din hija inġustizzja mhux biss għall-persuna li qed titressaq il-Qorti, iżda anke għall-qraba tagħha u l-vittmi.
Madankollu, minkejja li għadda ż-żmien minn meta seħħ il-każ, il-maġistrat stqarr li l-akkużat xorta waħda jrid iħallas tal-azzjonijiet tiegħu.
Il-Probation Officer Joanna Farrugia, li ilha ssegwi lill-imputat għal dawn l-aħħar snin, stqarret li l-imputat għaraf il-problemi tiegħu, u qed jindirizzahom. B’hekk, issuġġeriet li jitqiegħed taħt ordni ta’ prova għal perjodu ta’ tliet snin, u magħha tingħaqad ordni ta’ trattament.
Wara li l-maġistrat ikkunsidra l-elementi kollha tal-każ, l-akkużat ġie kkundannat b’perjodu ta’ prova kif ukoll b’ordni ta’ trattament għal tliet snin.