Maġistrat idoqq kanzunetta ta’ Mike Spiteri qabel verdett fil-Qorti

Maġistrat fil-Qorti t’Għawdex daqq il-kanzunetta ta’ Mike Spiteri ‘Fejn Tħobb il-Qalb’ qabel ma ta l-verdett tiegħu għall-każ li kien qed jiġġudika fil-Qorti li kien jinvolvi argument bejn xi persuni li qabel kienu f’relazzjoni. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn sorsi.

Il-każ imur lura għad-19 ta’ Lulju tal-2018 meta għall- ħabta ta’ nofsillejl fil-parkeġġ ta’ Marsalforn li jinsab ħdejn il-ġnien tat-tliet għoljiet fiż-Żebbuġ Għawdex kien hemm argumenti bejn żewġ gruppi ta’ persuni. Fattur komuni fl-argumenti kien li wieħed mill-persuni involuti kien joħroġ ma’ tfajla mill-grupp l-ieħor.

Tliet irġiel bl-etajiet tagħhom ivarjaw bejn-il 21 sena u s-27 sena u kollha mir-Rabat Għawdex, ġew akkużati li kisru l-paċi pubblika b’għajjat, storbju u ġlied, ħebbew għal 3 persuni oħrajn u kkawżawlhom ġrieħi ħfief.

Intant, iż-żagħżugħ ta’ 27 waħdu ġie akkużat ukoll li dakinhar stess volontarjament għamel ħsara fuq karozza ta’ raġel ieħor u ħebb għalih mingħajr ma weġġgħu. Min-naħa l-oħra ż-żagħżugħ ta’ 24 sena waħdu ġie akkużat talli insulenta raġel ieħor.

“Relazzjonijiet jibdew u jkomplu; oħrajn jintemmu ħesrem”

Filwaqt li l-Qorti ħafritilhom il-maġġoranza tal-akkużi, sabithom ħatja ta’ wieħed mill-argumenti u ta’ dan ingħataw twiddiba mill-Maġistrat Joseph Mifsud. Il-Maġistrat fakkar kif ir-relazzjonijiet amorużi jibdew iżda filwaqt li hemm minnhom ikomplu fit-tul għax ikunu mibnija fuq sisien sodi, oħrajn ikunu mibnija fuq it-tafal u ma jwasslux. Insista li kulħadd għandu dritt li jidħol f’relazzjoni daqs kemm għandu dritt joħroġ minnha.

Spjega kif hemm min ma jaċċettax li relazzjoni tkun intemmet u sostna li dak li ma taċċettax il-Qorti huwa li jkun hemm każijiet li jispiċċaw jidħlu fihom persuni estranji. Insista li l-Qrati ma għandhomx jispiċċaw klassi tan-nuna li jippruvaw isolvu problemi bħal dawn.