Maġistrat iċanfar lill-AĠ u l-Pulizija

Il-Maġistrat Joe Mifsud ċanfar lill-Avukat Ġenerali u l-Korp tal-Pulizija għall-provi li ressqu fil-Qorti kontra imputat, fejn iddeksriva partijiet mill-akkużi bħala “pura fantażija”.
Il-każ imur lura għal Awwissu tal-2016, meta Carlo Stivala, xufier tat-taksi, kien qed jistenna biex jgħabbi xi persuni minn quddiem lukanda f’Tas-Sliema.
Il-pulizija tat-traffiku, Andrei Cassar Bonnici, amarlu jiċċaqlaq minn fejn kien, iżda wara ftit tal-ħin is-sewwieq kien għadu hemmhekk. Hawnhekk, il-pulizija reġa’ qallu biex jiċċaqlaq.
Is-sewwieq iċċaqlaq, iżda qal xi kliem żejjed, u għalhekk il-pulzija saq warajh biex iwaqqfu u jkellmu. Huwa u jaqbżu biex jiġi quddiem il-vettura, il-mutur tal-pulizija ntlaqat bi żbrixx mit-taksi. Xħin il-pulizija pprova jagħmel il-mutur fuq l-istand, dan waqa’ fuqu.
L-imputat ġie akkużat fuq tnax-il offiża mill-Korp, iżda l-Qorti lliberatu minn tmienja minnu.
Fis-sentenza l-Maġistrat Mifsud irrimarka li l-Pulizija ma kinitx oġġettiva fl-akkużi tagħha. Fost l-oħrajn ma nstabux provi li ħajjet xi persuni ġiet ipperikolata u li l-pulizija talab bosta drabi lil Stivala jieqaf.
Lanqas instab li Stivala kellu fedina penali “vjolenta” kif akkużah il-Korp tal-Pulizija.
Ċanfar ukoll lill-Avukat Ġenerali talli m’għamilx xogħlu kif sippost. Skont il-Maġistrat, l-Avukat Ġenerali għażel l-eħfef triq u, flok indaga l-akkużi mressqa mill-Pulizija Eżekuttiva, qabad u kkopja dak li qalulu għal quddiem il-Qorti.
Aċċenna għal parti mill-akkużi mressqa, fejn fost l-oħrajn il-Korp jgħid li l-mutur misjuq mill-imputat intuża bħala arma. Il-Maġistrat din sejħilha “pura fantażija”.
Il-Maġistrat temm jappella lill-Korp sabiex iħarreġ aktar lill-membri tiegħu għallinqas dwar ir-regoli bażiċi tal-proċeduri legali. 
L-akkużat weħel €200.