Magħżulin it-tliet offerti għall-impjant għall-enerġija mill-iskart

Read in English.

FCCMA-Hitachi JV Malta, Urbaser-Terna & Consortium Suez u Tecnimont – Termomeccanica ġew ikkonfermati bħala t-tliet offerenti (bidders) magħżula biex jibnu l-impjant għall-enerġija mill-iskart f’Malta.

Fi stqarrija, il-WasteServ qalet li dan il-proċess ta’ procurement huwa mill-akbar kuntratti li qatt ġew immaniġġjati mill-WasteServ, hekk kif iċ-ċifra totali tal-proġett qed tqarreb l-€400 miljun.

Il-kuntratt jinkludi d-disinn u l-kostruzzjoni tal-faċilità, liema xogħol hu stmat li ha jkun jiswa bejn €160 u €190 miljun, kif ukoll l-ikkummissjonar u l-operazzjoni tiegħu għal perjodu ta’ 20 sena b’investiment finanzjarju ieħor ta’ madwar €200 miljun.

L-impjant huwa mistenni li jibda jopera lejn tmiem l-2023.

Fil-jiem li ġejjin, il-WasteServ se tiftaħ stedina għall-parteċipazzjoni fid-djalogu (ITPD) li twassal għat-tqassim tal-aħjar u l-aħħar dokument tal-offerta li fuqu t-tliet offerenti se jagħmlu l-offerti finali tagħhom.

Il-WasteServ qalet li l-impjant għall-enerġija mill-iskart se jipprovdi servizz ambjentali essenzjali billi jikkonverti skart li kieku jmur fil-miżbla f’enerġija ħadra. L-impjant se jikkonverti skart li ma jistax jiġi riċiklat f’riżorsi tajbin u jżid 4.5% bħala enerġija ħadra għad-domanda totali ta’ enerġija ta’ Malta.

F’Ġunju li għadda kien tħabbar li mill-kwestjonarju ta’ pre-kwalifikazzjoni għall-impjant tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart daħlu sittax-il offerta differenti.