Magħżula l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Settembru u Ottubru

L-attakkant ta’ Victoria Hotspurs Miguel Montano intgħażel bħala l-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Settembru waqt li Daniel Bogdanovic ta' Xewkija Tigers rebaħ il-premju għal Ottubru.
Il-Kolombjan, Miguel Montano, ingħaqad ma’ Victoria Hotspurs wara l-provi fil-BOV Premier League f’Malta matul ix-xhur tas-sajf.
Huwa skorja l-uniku gowl għall-Ispurs fir-rebħa tagħhom ta’ 1-0 fuq Kerċem Ajax u skorja erba’ gowls fir-rebħa kbira ta’ Victoria ta’ 7-0 fuq St Lawrence Spurs. 
Matul Ottubru, Bogdanovic ipprovda dak l-istimolu meħtieġ fit-tliet logħbiet tal-League ta’ Xewkija kif ukoll fir-rebħa tagħhom fuq Marsa fit-tieni rawnd tal-FA Trophy fejn huwa skorja darbtejn. Bogdanovic skorja darbtejn ukoll fit-telfa ta’ 3-2 ta’ Xewkija kontra Kerċem kif ukoll skorja l-gowl rebbieħ fir-rebħa tagħhom ta’ 2-1 fuq Victoria Hotspurs.
Horace Laudi, il-Maniġer Reġjonali għal Għawdex tal-Bank of Valletta ppreżenta t-trofej tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Settembru u Ottubru lil Montano u Bogdanovic li t-tnejn għażlu l-Fondazzjoni Arka biex tibbenefika mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan il-premju.