Magħżul il-mużiċist Malti għall-Eurovision Young Musicians 2014

Il-kitarista ta' 18-il sena Kurt Aquilina se jkun l-ewwel Malti li se jirrapreżenta lil Malta fil-Young Musician Eurovision li se jsir fl-aħħar ta' Mejju f'Cologne fil-Ġermanja.
Aquilina beda jistudja l-kitarra meta kellu 11-il sena u llum jispeċjalizza fil-kitarra elettrika.
Meta tkellem ma' Newsbook.com.mt dwar kif qed iħares lejn din l-esperjenza esprima li hu ħerqan biex jiltaqa' ma' mużiċisti oħra Ewropej għax minnhom jista' jitgħallem ħafna u anke jkompli jtejjeb il-ħiliet mużikali tiegħu.
Il-konkors isir kull sentejn u fih jikkompetu żgħażagħ sa 18-il sena b'ħiliet mużikali avvanżati ħafna.  Din is-sena se jikkompetu 14-il pajjiż Ewropew.