Magħrufa l-preżentaturi għall-Eurovision 2020

Ritratt: NPO/AVROTROS/NOS

Il-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest se ssir f’Rotterdam, fin-Netherlands fit-12, 14 u 16 ta’ Mejju. Dan wara li s-sena l-oħra dan il-pajjiż rebaħ il-Eurovision wara li Duncan Laurence rebaħ il-festival bil-kanzunetta Arcade.

Filwaqt li bil-mod il-mod qed insiru naf bosta parteċipanti li se jkunu qed jikkompetu fil-Eurovision, issa tħabbru wkoll il-preżentaturi, tlieta b’kollox, u waħda minnhom hi wiċċ familjari ma’ min isegwi mill-qrib dan il-festival minn sena għall-oħra.

Kien fl-1998 li Edsilia Rombley telgħet għall-ewwel darba fuq il-palk tal-Eurovision fejn għan-Netherlands klassifikat fir-raba’ pożizzjoni bil-kanzunetta Hemel en aarde. Fl-2007 għamlet aktar ħoss bil-kanzunetta On Top of the World, iżda minkejja li l-kanzunetta kienet popolari, xorta ma waslitx sal-finali.

Issa hija se tkun qed tmiss mal-palk għat-tielet darba meta f’Mejju li ġej tippreżenta dan il-festival.

Magħha se naraw lil Chantal Janzen, li f’pajjiżha hi magħrufa kemm bħala preżentatriċi u anki attriċi.

It-tielet preżentatur huwa Jan Smit, kantant u preżentatur kif ukoll kummentatur għall-Eurovision fin-Netherlands.

Intant, dawk interessati li jattendu għall-Eurovision fin-Netherlands, jaqbillhom jibdew jaħsbu minn issa għall-biljetti. Se jkunu għall-bejgħ mill-Ħamis 30 ta’ Jannar f’nofsinhar fuq is-sit tickets.songfestival.nl