Magħrufa l-4 semifinalisti tal-MAFA Knockout

Hekk kif intlagħbu l-logħbiet mill-kwarti tal-finali tal-MAFA KO saru magħrufa l-erba’ semifinalisti ta’ din il-kompetizzjoni. Fil-fatt kienu Marsa St Michael, Valletta St Pauls, Qormi Hotspurs u Senglea Gunners illi kisbu kwalifikazzjoni għal mal-aħħar erbgħa wara l-logħbiet li ntlagħbu b’mod simultanju fil-grawnds ta’ Santa Lucia u Żurrieq.
Il-holders ta’ din it-tazza Senglea Gunners ikkwalifikaw mingħajr ma niżlu jilagħbu wara li ħadu walk-over fuq Valletta Stars illi ma rnexxielhomx jgħaqqdu 11-il plejer għal dan il-konfront.
Min-naħa l-oħra, wirja tajba fit-tieni taqsima tal-finalisti telliefa tal-istaġun illi għadda Marsa St Michael għenithom sabiex jegħlbu b’mod komdu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 4-0.
Marsa skorjaw mal-ewwel u kulħadd ħaseb illi ser ikomplu jiskorjaw aktar gowls iżda Mqabba bdew iżommu tajjeb lill-avversarji tagħhom tant illi sal-ewwel taqsima l-iskor kien għadu biss dak ta’ 1-0.
Fit-tieni taqsima, Marsa tjiebu ferm u hawn reġa’ daħal fix-xena l-Brażiljan Ricardo Severino illi f’temp ta’ żewġ minuti skorja doppjetta bil-logħba tkun għan-niżla għat-tim tiegħu.
Kif għedna Marsa skorjaw wara biss ħames minuti permezz ta’ Chris Cutajar illi baqa’ jikkonferma l-mument tajjeb illi jinsab għaddej minnu meta wara ħarba tipika kien hu illi sab ix-xibka u għeleb lill-gowlkiper Brian Schiavone.
Mqabba bdew itellgħu l-kontrattakki u f’wieħed minnhom kienu żvinturati illi laqtu l-lasta permezz ta’ Jake Gower bid-difiża ta’ Marsa teħlisha ħafif.
Fit-tieni taqsima ħarġet l-esperjenza ta’ Marsa illi fil-mumenti kruċjali sabu l-gowls deċiżivi u hekk ġara fit-48 minuta meta ħarba tajba ta’ Ricardo Severino spiċċat b’dan tal-aħħar jixħet fir-rokna tax-xibka b’xutt tajjeb.
Mqabba kienu maħsuda għal kollox u dlonk wasal it-tielet wieħed meta wara kross ta’ Filipov kien l-istess Ricardo Severino illi bir-ras għeleb lil Schiavone.
Marsa ssiġġillaw ir-rebħa fit-62 minuta permezz ta’ Nikolay Filipov illi b’xutt tajjeb sab ix-xibka għal skor finali ta’ 4-0.
Valletta St Pauls dawru telfa f’rebħa meta b’wirja eċċezzjonali fit-tieni taqsima għelbu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 4-1.
Dawn tal-aħħar minkejja t-telfa taw wirja ferm tajba u sa tmiem l-ewwel taqsima kienu saħansitra 1-0 minn fuq wara li r-referi ta’ din il-partita Dorian Caruana saffar għal penalty wara irregolarita’ fil-kaxxa Beltija.
Mill-11-il metru kien Hamza Afifi illi xeħet il-ballun fix-xibka għall-vantaġġ ta’ Santa Lucia.
Valletta ttantaw reazzjoni iżda sa tmiem l-ewwel taqsima, il-Falkuni ddefendew sa snienhom sabiex daħlu jistrieħu fil-vantaġġ.
Mhux l-istess jista’ jingħad għat-tieni taqsima għax il-Beltin ħarġu bħall-iljuni għall-avversarji tagħhom u f’temp ta’ tliet minuti għamlu l-miżien ixaqleb favurihom.
Kien fil-55 minuta li Tyron Borg ġab l-iskor indaqs sabiex minuta wara l-iskorer prolifiku Denis di Maio approfitta minn indeċiżjoni difensiva u sammar il-ballun wara l-keeper ta’ Santa Lucia.
Dawn tal-aħħar infixlu mhux ftit u fit-58 minuta dabbru t-tielet wieħed meta Wisdom Wisdom ħarab tajjeb filwaqt illi b’xutt tajjeb tefa’ l-ballun fix-xibka.
Is-siġill fuq il-partita għamlu t-Taljan Denis Di Maio illi minuta minn tmiem il-konfront għamilhom 4-1 filwaqt illi skorja doppjetta personali.
Qormi Hotspurs kellhom rebħa komda ta’ 2-0 fuq Mosta Vikings sabiex waslu għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni.
Il-ħeffa tal-Hotspurs kienet evidenti f’din il-partita għalkemm Mosta kellhom il-mumenti tagħhom għalkemm sabuha diffiċli jinfdu d-difiża ferm organizzata tar-rebbieħa.
Gowl kull taqsima kien biżżejjed għall-Qriema sabiex jagħmluha għas-semifinali l-ewwel meta Jacob Falzon poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ fid-19-il minuta sabiex irduppjaw tliet minuti qabel it-tmiem grazzi għall-gowl ta’ Kyle Sultana.
B’hekk Senglea Gunners, Valletta St Pauls, Marsa St Michael u Qormi Hotspurs għaddew għas-semifinali illi issa huma ppjanati għat-12 ta’ Mejju illi ġej.
Ritratt: Warren Sammut