“Magħruf imma ma jħobbx jidher” – poeżija dwar Prof. Friggieri

Oliver-Friggieri

Malta kollha nħasdet bl-aħbar tal-mewt tal-kittieb, poeta, għalliem u akkademiku Prof. Oliver Friggieri nhar is-Sibt li għadda. Huwa kellu 73 sena.

Fost dawk li rrikorrew għall-kitba biex jesprimu d-diqa tagħhom kien hemm Prof. Manwel Mifsud, lingwista li kien kollega ta’ Prof. Friggieri għal snin twal fi ħdan id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta.

Il-poeżija li kitiblu bdieha bi tliet paradossi: “Magħruf imma ma jħobbx jidher, maħbub imma ma jħobbx jitfissed, internazzjonali imma baqa’ Malti.” Il-legat ta’ Prof. Friggieri xebbhu mal-legat li ħallew warajhom Ninu Cremona, Dun Karm u Ġużè Aquilina, għaliex bħalhom, “kompla jikxef is-setgħat tal-ilsien Malti.”

Fl-aħħar, Prof. Mifsud temm il-poeżija b’ringrazzjament lil Prof. Friggieri tal-ġid kollu li wettaq.

L-aħbar tal-mewt ta’ Prof. Friggieri
Imut il-kittieb u akkademiku Oliver Friggieri

OLIVER

Magħruf imma ma jħobbx jidher,
maħbub imma ma jħobbx jitfissed,
internazzjonali imma baqa’ Malti.                                        

Għex bħal tifel kurjuż, jitħasseb, jissaħħar quddiem il-misteri kbar li jdawruna,
ħabb bis-sħiħ il-valuri l-qodma li jsaħħuna,
kittieb ta’ veru, ittratta t-temi li tassew jaħarqu, dawk li dejjem se jibqgħu jolqtuna.
F’kitbietu qaxxar ir-ruħ tal-poplu Malti, il-ġlieda tiegħu biex jinbidel bla ma jitlef rasu, ruħu, ilsienu.
Kien inkwetat fuq il-futur tal-kultura u tal-lingwa Maltija…

Forsi t-testment tiegħu hu l-muftieħ għal dak li ilna ħafna nfittxu u nixtiequ,
il-bilanċ bejn il-Jien u Lil hinn minnu.

Bħal Ninu Cremona, Dun Karm u Ġużè Aquilina, kompla jikxef is-setgħat tal-Ilsien Malti,
kompla jsaħħilna l-aqwa mezz għall-identità tagħna.

Ta’ dan kollu, u ta’ tant ġid ieħor li forsi lanqas intbaħna bih,
Oliver
nirringrazzjawk.

Ħabibek Manwel

Manwel-Mifsud-Oliver-Friggieri
Ritratt meħud mill-paġna tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università fuq Facebook
L-Arċisqof isellem lil Prof. Friggieri
Tislima speċjali

Ilbieraħ tħabbar li Prof. Friggieri se jingħata l-aħħar tislima waqt funeral statali, iżda d-data għal dan għadha ma tħabbritx.