Joseph Muscat mistenni jħabbar ir-riżenja

Aġġornat 09:24 PM

Deo Debattista jinfaqa' jibki

Miguela Xuereb

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt, li l-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jħabbar ir-riżenja tiegħu fil-ħin li ġej. Ftit wara, is-sit Lovin Malta żvela li Yorgen Fenech semma lil Muscat taħt ġurament.

Hu mistenni jibqa’ Prim Ministru sal-ġimgħat li ġejjin, sakemm tiskatta t-tellieqa għall-Mexxej ġdid tal-Partit. Dan jista’ jfisser li Malta jkollha Prim Ministru ġdid sa Jannar.

Maġġoranza tal-Kabinett jitolbu r-riżenja ta’ Muscat

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li iktar minn nofs il-membri tal-Kabinett tal-Gvern, tard ilbieraħ filgħaxija riedu lill-Prim Ministru Joseph Muscat jirriżenja.

Newsbook.com.mt infurmat li kienu 14 mit-22 Ministru jew Segretarju Parlamentari li talbu dan waqt il-laqgħa tal-Kabinett li ssejħet b’urġenza lbieraħ. Infurmati wkoll li fil-laqgħa kien hemm mumenti ta’ tensjoni u li f’ħin minnhom, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista tant ħakmitu t-tensjoni li nfaqa’ jibki.

Il-laqgħa tal-Kabinett damet għaddejja kważi seba’ sigħat, bil-Prim Ministru jindirizza lill-ġurnalisti fit-3am.