Maġġoranza tal-ispezzjonijiet fid-djar tal-anzjani saru b’mod rimot

Miguela Xuereb

Fl-ewwel xhur tal-pandemija tal-coronavirus, il-maġġoranza tal-ispezzjonijiet fid-djar tal-anzjani mill-awtorità għall-istandards saru b’mod rimot (remote inspections).

Aktar minn 300 spezzjoni bejn Marzu u Mejju tal-2020 mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) saru mingħajr preżenza fiżika ta’ xi spettur fil-postijiet li kienu qed jiġu analizzati.

Kelliema għall-SCSA qalet lil Newsbook.com.mt li bejn Marzu u Mejju ta’ din is-sena, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 l-Awtorità kkonsultat ma’ Regolaturi Ewropej kif ukoll mal-Awtorità tas-Saħħa Maltija sabiex tissalvagwardja l-aħjar interess tal-persuni vulnerabbli.

Il-kelliema qalet li saru 335 “actual visits” u 369 “remote visits”. Spjegat li ntuża l-mudell ta’ “regolaturi Ewropej” għar-remote visits .

“Matul dawn il-viżti l-assessuri tkellmu mal-managment, l-istaff u residenti sabiex aċċertaw lis-servizz mogħti huwa ta’ kwalità tajba,” qalet l-Awtorità.

Minn talba uffiċjali għall-informazzjoni (FOI) ħareġ dokument li juri n-numru ta’ spezzjonijiet li saru fid-djar tal-anzjani li joffru residenza fit-tul. Id-dokument jgħid li l-maġġoranza ta’ dawn l-ispezzjonijiet ma sarux minn persuni li marru fiżikament f’dawn ir-reżidenzi.

X’nafu dwar in-numru ta’ spezzjonijiet?

Fi Frar tal-2019 saru total ta’ erba spezzjonijiet – tnejn fil-Floriana Home u tnejn fir-residenza Sant’Anna ta’ Steward Health Care f’Għawdex.

F’April 2020 fir-residenza Golden Care saru ħames spezzjonijiet. Għadd ta’ residenzi oħra ma saritilhom ebda spezzjoni f’dan ix-xahar. Dawn jinkludu Casa Arkati fil-Mosta u Floriana Home fil-Furjana.

F’Mejju 2020 Golden Care reġa’ kellha l-akbar ammont ta’ spezzjonijiet – 14. Fl-istess xahar ma saret ebda spezzjoni fir-residenza San Vinċenz de Paul.

Golden Care Malta

Total ta’ spezzjonijiet:

Jannar 2019: 48
Frar 2019: 4
Marzu 2019: 28
April 2019: 33
Mejju 2019: 33

Jannar 2020: 39
Frar 2020: 56
Marzu 2020: 66
April 2020: 41
Mejju 2020: 228

X’sar barra minn Malta?

Il-Quality Care Commission tal-Ingilterra kienet issospendiet l-ispezzjonijiet ta’ rutina minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Din id-deċiżjoni ġet ikkomunikata fis-16 ta’ Marzu 2020. Intqal li xi spezzjonijiet f’għadd żgħir ta’ każi setgħu jsiru, bħal per eżempju f’każi ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż.

F’Ġunju s-sit Politico rraporta dwar is-sitwazzjoni tan-nursing homes fl-Istati Uniti. Intqal li kien hemm xi stati li għażlu jagħmlu spezzjonijiet remotely. Saru xi intervisti fuq it-telefon u saret ukoll xi analiżi ta’ dokumentazzjoni. Is-sit qal li ħafna esperti jgħidu li dan il-proċess mhuwiex adegwat.

Remote inspections huma perikolużi – ombudsmen 

Is-sit tal-aħbarijiet Spotlight PA minn Pennsylvania fl-Istati Uniti rraporta dwar x’jaħsbu dawk li jaqbżu għad-drittijiet tal-anzjani u l-ombudsmen dwar remote inspections. Is-sit qal li t-tnejn jgħidu li remote inspections huma perikolużi peress li jħallu ħafna spazju għall-faċilitajiet biex jassiguraw lill-awtoritajiet li m’hemmx problemi fuq it-telefon. B’hekk jevitaw ċitazzjonijiet u multi.

F’Mejju tal-2020 iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) qalet li għadnu jkun hemm sistema ta’ screening kuljum għar-residenti ta’ faċilitajiet ta’ kura fit-tul għas-sintomi. Għandhom ukoll isiru testijiet minn żmien għall-ieħor, anke jekk ir-residenti ma jkollhomx sintomi.

L-ECDC jissuġġerixxi wkoll li l-ħaddiema f’dawn il-faċilitajiet għandhom jiġu ttestjati b’mod regolari – bħal per eżempju darba fil-ġimgħa. L-ECDC tkellem dwar ir-riskji li jeżistu għall-pazjenti f’dawn it-tip ta’ faċilitajiet. Semma’ l-eżempju ta’ nursing home f’King Cunty f’Washington State fl-Istati Uniti. Fi 23 ġurnata mill-ewwel każ pożittiv ta’ coronavirus, 64% tar-residenti ħarġu pożittiv għall-COVID-19.

L-istess ċentru jirrakkomanda li jekk ikun hemm faċilità li jkollha każ pożittiv, għandu jsir test fuq ir-residenti kollha inkluż dawk li jkunu mietu.

F’Mejju li għadda l-ECDC qalet li f’Malta kien hemm 41 faċilità ta’ kura fit-tul. Kien hemm total ta’ 5,035 sodda. F’Malta hemm 92,180 persuna li għandhom 65 sena jew aktar.

Persuni li għandhom aktar minn 60 sena u dawk li għandhom kundizzjonijiet tas-saħħa oħra bħad-dijabete u l-kanċer għadnhom riskju akbar li jmutu jekk ilaqqtu l-coroanvirus.

Waqt il-pandemija tal-coronavirus ma saret ebda spezzjoni mill-Awtorità tal-Istandards għall-Kura Soċjali fir-residenza tal-anzjani Sant’Anna f’Għawdex.

Tista’ taqra d-dokument miksub minn hawn: