Mafkar Daphne: Wara 6 ijiem il-Pulizija tikkonferma li kellmet xi nies

Sitt ijiem wara li Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Pulizija dwar jekk hux minnu li qed isiru xi interrogazzjonijiet ma’ persuni suspettati li ‘serqu’ x-xemgħat, fjuri u ritratti mill-‘mafkar’ tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, il-Pulizija kkonfermaw li kellmu diversi persuni b’rabta mal-każ.
Filwaqt li spjegaw li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, il-Pulizija rrifjutaw milli jgħidu eżatt kemm persuni ġew interrogati, l-etajiet tagħhom, il-mod ta’ kif inqabdu u wkoll jekk hux b’rabta mal-aħħar tindifa tal-mafkar jew mal-oħrajn li saru qabel.
Fit-23 ta’ Marzu li għadda, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li jista’ jikkonferma li l-persuni involuti fis-serq mill-‘mafkar’ mal-monument tal-Assedju l-Kbir, quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta, huma persuni viċin ħafna tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
It-Times of Malta l-għada rrappurtat li l-Pulizija bdew ifittxu tliet suspettati, u sabu tnejn minnhom: persuna li taħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u żagħżugħ ta’ madwar 20 sena.
L-oġġetti li jfakkru lill-ġurnalista assassinata kienu tneħħew matul il-lejl bejn id-19 u l-20 ta’ Marzu, iżda m'għaddhiex wisq ħin sakemm attivisti reġgħu dehru jpoġġu fjuri u xemgħat ġodda fejn il-monument.
Is-saga dwar il-mafkar ta' Daphne ilha għaddejja x-xhur, bil-fjuri, xemgħat u ritratti tagħha, jitpoġġew u jerġgħu jitneħħew.
Ritratt: Ian Noel Pace