Mafkar Daphne: Tittieħed deċiżjoni biex jissikktu l-attivisti?

Manuel Delia

Il-barrieri li ttellgħu madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir sakemm isir ir-renovar issa inksew kollha bi strixxuni li jirreklamaw il-monument, u li se jagħmluha diffiċli għall-attivisti biex ikomplu jsemmgħu leħinhom dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia permezz ta’ dan il-post.

Dan ħareġ fl-aħħar blogg ta’ Manuel Delia li sostna li d-Dipartiment tal-Indafa Pubblika reġgħu neħħew l-istrixxun dwar Daphne matul il-ħemda tal-lejl, fi sforz ieħor biex isikktu lill-attivisti.

Wara li lbieraħ, il-barrieri sebħu mingħajr l-istrixxun ta’ Daphne, il-Pulizija kienu rritornaw l-istrixxun li jgħajjat għall-ġustizzja minkejja li l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici kien ordna li jitneħħa. L-istrixxun imbagħad reġa’ twaħħal mal-barrieri wara li ġie żarmat kompletament mill-għadd kbir ta’ xemgħat li tħallew wara l-vġili li saret f’għeluq il-11-il xahar mill-assassinju. Għal xi ħin, ilbieraħ filgħodu tħalliet biss xema waħda tnemnem quddiem il-barrieri.

Tul ix-xhur, nies mhux magħrufa neħħew ir-ritratti tal-ġurnalista, u l-fjuri u x-xemgħat impoġġijja mill-attivisti b’mod repetut. Iżda l-mafkar dejjem reġa’ tpoġġa lura f’postu. Qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Vitorja, il-mafkar tneħħa biex sar xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-monument. L-attivisti reġgħu poġġewh lura iżda reġa’ tneħħa u minflok l-monument spiċċa mdawwar bl-injam minħabba dak li uffiċjament ġie deskritt bħala xogħol ta’ “restawr”.

Propju s-Sibt li għadda, lejliet il-velja, ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt li ra ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika jżarmaw strixxun li twaħħal mal-barrieri ġie aggredit għax waqaf jieħu ritratti u filmati f’post pubbliku.