​Mafkar Daphne: Jibqa’ biss fjuri, noti u xemgħat

Il-monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta, li għall-aħħar erba’ xhur kien qed jospita wkoll mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, dalgħodu sebaħ mingħajr ritratti.
Dan wara li nhar il-Ġimgħa filgħodu, eżattament fir-raba’ xahar mill-assassinju tal-ġurnalista, mar-ritratt tagħha tpoġġew tlieta oħra: tal-Eks Prim Ministru Dom Mintoff, Karin Grech li nqatlet b’ittra bomba indirizzata lil missierha fl-1977 fiż-żmien tal-istrajk tat-tobba, u tal-attivist Nazzjonalista Raymond Caruana li nqatel fil-każin tal-partit fil-Gudja fl-1986.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-erba’ ritratti kienu għadhom mal-monument sat-8.30 tal-bieraħ filgħaxija, iżda fis-7am kien fadal biss fjuri, noti u xemgħat.
Għadu mhux magħruf minn min tneħħew ir-ritratti.
Minbarra, l-messaġġi numerużi fost l-oħrajn dwar għaliex inqatlet Daphne Caruana Galizia, waħda min-noti tgħid: "Għażiża Karin, inti nqtilt għax missierek kien qed isalva ħajjet in-nies. Inti l-eroj tagħna". Lill-Eks Prim Ministru kitbulu: "Dom Mintoff, aħna nirringrazzjawk għall-imħabba lejn Malta u Għawdex. Ma ninsewk qatt".
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta rrifjuta mozzjoni li tressqet mill-kunsillier Ray Azzopardi sabiex jitneħħa l-mafkar. Fir-ruling tiegħu fi tmiem laqgħa mqanqla, is-Sindku tal-Belt Alexei Dingli qal li din il-mozzjoni hi inaċċettabbli għax il-kunsill m’għandu l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir.
It-tneħħija tar-ritratti, tfakkar ukoll fil-banners u billboards li tpoġġew mis-soċjetà ċivili, biex isejħu għall-ġustizzja, u li tneħħew f’inqas minn 24 siegħa, waqt li kienet għaddejja velja għal Daphne fil-Belt Valletta.

Ritratti: Ian Noel Pace