​MAFA KO – Marsa St Michael u Senglea Gunners jiksbu post fil-finali

Marsa St Michael u Senglea Gunners huma l-finalisti tal-MAFA KO.
Fi tmiem din il-ġimgħa għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom Valletta St Pauls u Qormi Hotspurs.
Din se tkun ir-ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra meta dakinhar kienu Senglea Gunners illi għelbu lis-St Micheal bl-iskor ta’ 1-0.
Għat-tim mill-Kottonera din se tkun it-tielet finali konsekuttiva f’temp ta’ sentejn fejn jimmiraw illi jżommu t-Tazza li rebħu s-sena l-oħra.
Min-naħa l-oħra, il-Marsin ilhom ma jirbħu dan l-unur għal ħafna snin u se jippruvaw itaffu mid-diżappunt li kellhom fil-kampjonat meta tilfuh għas-spejjeż ta’ Valletta St Pauls.
Kienu żewġ semifinali ferm eċitanti li offrew futbol sabiħ minkejja s-sħana li ħakmet mhux ftit lill-plejers fil-grawnd ta’ Santa Luċija.
Marsa St Michael kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra r-rivali eterni tagħhom Valletta St Pauls sabiex kisbu speċi ta’ vendetta sportiva wara li dawn tal-aħħar rebħu l-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.
Il-Marsin ħarġu ferm aggressivi mill-bidu tal-partita u ħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor fejn Mohammed Elamari u Nikolay Filipov resqu viċin illi jiftħu l-iskor.
Madankollu huma ftit damu sabiex marru fil-vantaġġ hekk kif fir-raba’ minuta kien Ricardo Severino illi rċieva kross mil-lemin sabiex b’xutt mal-ewwel issorprenda lill-gowlkiper ta’ Valletta St Pauls.
Marsa baqgħu l-aħjar tim u baqgħu jimpenjaw lid-difiża Beltija b’ħafna azzjonijiet veloċi sabiex l-ewwel taqsima ntemmet favurihom bl-iskor ta’ 1-0.
Fit-tieni taqsima, Valletta St Pauls ippruvaw joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom u ttantaw xortihom b’azzjonijiet ta’ Tyron Borg u Toni Bonello iżda l-keeper ta’ Marsa kien ferm attent f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Min-naħa l-oħra free kicks konsekuttivi ta’ Mohammed Elamari ħabtu mal-barriera sabiex il-Beltin evitaw li jaslu lejn il-lasti tal-gowlkiper tagħhom.
Is-St Michael baqgħu juru l-aħjar logħob u fit-58 minuta irduppjaw l-iskor meta Mohammed Telessi avvanza tajjeb, daħal fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx għar-rokna xeħet il-ballun fix-xibka.
Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni dehru mifxula u dlonk qalgħu t-tielet wieħed sitt minuti wara meta kien Nikolay Filipov illi llobbja tajjeb minn fuq il-gowlkiper sabiex issiġġilla r-rebħa Marsija u fuq kollox il-passaġġ għall-finali.
Aktar qabel Senglea Gunners tħabtu aktar milli mistenni sabiex jegħlbu l-isfida denja ta’ Qormi Hotspurs meta rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0.
Dawn tal-aħħar kellhom jilagħbu aktar min-nofs il-partita bi plejer anqas meta tkeċċa Neil Cauchi wara li mess il-ballun b’idu.
Kien hawnhekk fejn il-Gunners approfittaw u skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa eżattament fit-32 minuta meta kien Warren Zerafa li ħa ballun f’nofs il-grawnd u minnufih qassam il-ballun lejn Royter Degiorgio illi bil-kalma kollha xxuttja tajjeb u għeleb lill-keeper ta’ Qormi.
Bl-ewwel taqsima tintemm bit-tim mill-Kottonera 1-0 minn fuq, fit-tieni taqsima minkejja li b’raġel anqas, Qormi ppruvaw joħolqu reazzjoni u resqu viċin għal darba darbtejn iżda x-xorti ftit daħkitilhom, b’azzjoni minnhom fejn il-ballun għadda ċentimetri mil-lasti Sengleani.
Min-naħa tagħhom, il-Gunners ikkontrollaw il-partita sabiex setgħu jiċċelebraw it-tielet finali konsekuttiva f’din il-kompetizzjoni knock-out.
B’hekk nhar is-Sibt illi ġej jintemm l-istaġun 2017/2018 tal-MAFA bil-finali bejn Marsa St Michael u Senglea Gunners li se tintlagħab fil-grawnd ta’ Santa Luċija u tibda fil-5pm.
Ritratti: Warren Sammut