MAFA KO: Marsa bl-ikbar rebħa, Senglea u Valletta S javvanzaw ukoll

Wirja tajba fit-tieni taqsima kienet biżżejjed sabiex il-leaders tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni Marsa St Michael jegħlbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 5-1 biex kisbu post għal rawnd ieħor tal kompetizzjoni tal-MAFA Knock-Out.
Minkejja d-differenza fid-diviżjonijiet, Naxxar Victorians taw wirja tajba u saħansitra għamlu 15-il minuta b’gowl minn fuq u żammew lill-avversarji ferm aktar ikkwotati minnhom fi draw ta’ 1-1 sa tmiem l-ewwel taqsima.
Madanakollu l-esperjenza tal-Marsin għamlet id-differenza u t-tieni taqsima kienet iddominata mis-St Michael illi ikkonfermaw il-wirjiet pożittivi illi qed ikollhom dan l-aħħar.
Fost kulħadd impressjonaw mhux ftit żewġ plejers Ricardo Severino u Christian Cutajar illi skorjaw doppjetta kull wieħed u xprunaw lit-tim għar-rebħa finali.
Kienu Naxxar illi marru fil-vantaġġ meta fil-15- il minuta id-difensur ta’ Marsa Brian Zammit xeħet fix-xibka tiegħu stess.
Marsa ppruvaw jwettqu reazzjoni u ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Brian Zammit illi b’hekk patta għall-awtogowl illi wettaq.
Fit-tieni taqsima Marsa ħadu r-riedni tal-partita f’idejhom u ma kinitx sorpriża illi skorjaw erbgħa bla risposta b’doppjetti ta’ Ricardo Severino u Chris Cutajar illi skorjaw bejn l-54 u l-65 minuta sabiex issiġġillaw ir-riżultat favurihom.
Min-naħa l-oħra kellhom ikunu l-penalties illi taw il-kwalifikazzjoni lil Valletta Stars illi f’konfront ferm bilanċjat għelbu lil Fleur de Lys CFK 6-5.
Fil-fatt l-iskor sa tmiem il-ħin regolamentari spiċċa 1-1, f’logħba fejn il-Beltin sabu l-iebes kontra t-tim determinat ta’ Fleur de Lys illi taw qalbhom filwaqt illi komplew juru progress fil-logħbiet tagħhom.
Wara taqsima fejn ma rajna l-ebda gowl, fit-tieni taqsima kienu Fleur de Lys illi marru fil-vantaġġ fis-46 minuta meta Robert Bajada għeleb lill-goalkeeper ta’ Valletta Stars.
Dawn tal-aħħar ma damux ma wettqu reazzjoni u fil-fatt sitt minuti wara ġabu d-draw meta Sainey
Sillah daħal tajjeb wara kross mil-lemin sabiex b’xutt tajjeb xeħet il-ballun fix-xibka.
Iż-żewġ naħat ikkontrollaw lil xulxin sas-70 minuta sabiex kellna mmorru għal-lotterija tal-penalties.
Wara sensiela ta’ xuttijiet mill-ħdax–il metru, il-plejer ta’ Fleur de Lys Keith Micallef naqas milli jiskorja sabiex b’hekk kienu l-Istilel Beltin illi avvanzaw għall-fażi oħra ta’ din it-tazza.
Senglea Gunners ingħaqdu wkoll għal mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni meta ħallew sal-aħħar minuti sabiex għelbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 3-0.
Wara vantaġġ inizjali, Senglea sabuha diffiċli jinfdu d-difiża tal-Versity li min-naħa tagħhom bdew itellgħu kontrattakki ferm perikolużi.
Bl-ewwel taqsima tintemm 1-0 favur it-tim mill-Kottonera kienu Tal-Qroqq illi tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv illi jġibu d-dro iżda biex għamlu hekk ħallew id-difiża miftuħa beraħ u ta’ dan pattew qares hekk kif Senglea issiġġillaw ir-rebħa.
Kienu Senglea illi marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita permezz ta’ Glenn Brincat li ħarab tajjeb qabel ma spara l-ballun fix-xibka.
Fit-tieni taqsima, kif għedna il-Versity ħarġu jfittxu l-gowl tad-dro iżda lejn l-aħħar tal-logħba wara xi żbalji difensivi sofrew żewġ gowls fi spazju ta’ żewġ minuti. L-ewwel kien Glenn Brincat illi ħarab
tajjeb u filwaqt illi qabeż lill-gowlkiper avversarju xeħet fix-xibka vojta sabiex għaqqad doppjetta personali filwaqt illi ftit wara kien George Frendo illi rċieva tajjeb u minn żewġ passi bogħod sammar il-ballun wara l-keeper tal-Versity.
Eżatt kif intemmu dawn il-partiti telgħu l-poloz tal-kwarti tal-finali li ser jintlagħbu nhar is-Sibt illi ġej b’dawn il-logħbiet:
Grawnd ta' Santa Lucia
2:00 pm – Senglea Gunners vs Valletta Stars
3:30pm – Mqabba Albions vs Marsa St Michael
Grawnd taż-Żurrieq
2:00pm – Mosta Vikings vs Qormi Hotspurs
3:30pm – Sta Lucia Falcons vs Valletta St Pauls
Ritratt: Warren Sammut