MAFA Christmas Cup: Marsa u Qormi jiksbu post fil-finali

Marsa St Michael u Qormi Hotspurs qatgħu passaġġ għall-finali ta’ nhar is-Sibt illi ġej tal-MAFA Christmas Cup meta kisbu rebħiet komdi fuq l-avversarji rispettivi tagħhom Senglea Gunners u Valletta Stars.
Prominenti kienu Qormi Hotspurs illi għat-tieni sena konsekuttiva kisbu post fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 4-1.
Kienet partita ferm akkanita, f’xi mumenti bilanċjata bejn żewġ timijiet illi fil-kampjonat għaddejjin  minn mumenti ferm tajba fil-kampjonat.
Għall-Istilel Beltin din kienet it-tieni telfa staġjonali wara l-uniku telfa li sofrew fil-kampjonat. Huma sfaw gowl minn taħt wara żewġ minuti logħob sabiex l-affarijiet komplew jikkumplikaw ruħhom għalihom.
Fuq kulħadd spikka l-attakkant prolifiku tal-Hotspurs Yosef Bonnici illi skorja tripletta sabiex kien il-moħħ wara din il-kwalifikazzjoni.
Kien proprju l-istess Yosef Bonnici illi fetaħ l-iskor wara żewġ minuti hekk kif issoprenda lid-difiża Beltija u tefa’ l-ballun wara l-keeper ta’ Valletta Stars.
Dawn tal-aħħar donnhom infixlu u minuta minn tmiem l-ewwel taqsima dabbru t-tieni wieħed meta Jacob Falzon sab ix-xibka għal 2-0, riżultat li bih intemmet l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Valletta ħarġu aggressivi bl-intenzjoni illi jidħlu fil-logħba u pront skorjaw il-gowl tal-bandiera meta Eric Saliba daħal tajjeb sabiex sab it-triq għall-gowl.
Qormi bdew jikkontrollaw tajjeb l-attakki ta’ Valletta Stars illi issa bdew jagħfsu iżda minkejja kollox kienu l-istess Hotspurs illi fid-49 minuta f’azzjoni ta’ kontrattakk skorjaw it-tielet wieħed u kien Yosef Bonnici illi b’ħeffa liema bħalha tefa’ l-ballun fix-xibka.
L-istess plejers għaqqad hat-trick personali u ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu meta għeleb għar-raba’ darba lill-gowlkiper avversarju sabiex spiċċa l-eroj personali.
Marsa St Michael kisbu rebħa komda ta’ 2-0 kontra Senglea Gunners f’partita fejn huma skorjaw gowl f’kull taqsima sabiex aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni.
Din kienet speċi ta’ tpattija sportiva min-naħa tal-Marsin illi matul din is-sena tilfu l-kompetizzjoni tan-KO kif ukoll is-Super Cup kontra l-istess Sengleani.
Madankollu f’din il-logħba, il-Marsin kellhom ideat differenti u grazzi għas-solitu plejer Brażiljan Ricardo Severino aċċertaw ruħhom minn post fil-finali.
Kien l-istess skorer prolifiku Sudamerikan illi fit-23 minuta fetaħ l-iskor għall-Marsin sabiex għalqu l-ewwel taqsima fil-vantaġġ ta’ 1-0.
Senglea ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda sabu lid-difiża tas-St Michael f’forma mill-aqwa. Marsa aċċertaw ir-rebħa finali fl-aħħar minuta tal-logħba u kien l-istess Severino illi f’azzjoni ta’ kontrattakk ħasad lid-difiża avversarja sabiex skorja t-tieni gowl personali u dak tat-tim tiegħu.
B’hekk Qormi Hotspurs u Marsa St Michael ser jaffrontaw lil xulxin fil-finali ta’ nhar is-Sibt illi ġej fil-grawnd ta’ Santa Luċija.
Ritratt: Warren Sammut