Madwar miljun persuna fil-Panama għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Żgħażagħ indiġeni qed jiltaqgħu fil-Panama qabel il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Papa Franġisku mistenni jasal fil-Panama nhar l-Erbgħa filgħaxija għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u l-għada filgħodu jingħata merħba uffiċjali. Matul it-tliet ta’ din iż-żjara, fost affarijiet oħra l-Papa se jmexxi d-devozzjoni tal-Via Sagra, imexxi servizz ta’ talb, jipparteċipa f’velja ta’ adorazzjoni ‘aux falmbeau’ u jiċċelebra l-quddiesa li tagħlaq dan l-avveniment fis-27 tax-xahar.

L-awtoritajiet tal-Panama issa qed ibassru li madwar millun persuna minn madwar id-dinja se jkunu f’dan il-pajjiż żgħir biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment annwali.

Sadattant il-Papa bagħat messaġġ fuq video lil madwar elf żgħażugħ indiġenu minn diversi pajjiżi li diġa’ qed jiltaqgħu fid-djoċesi ta’ David fil-Panama stess biex jiddiskuti affarijiet komuni għalihom bi preparazzjoni għal-laqgħa proprja li se ssir f’Panama City.

Fil-messaġġ, li kien pubblikat mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Papa feraħ lil dawn iż-żgħażagħ billi din hi l-ewwel darba li qed issir laqgħa simili għal żgħażagħ indiġeni minn madwar id-dinja, qabel il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Papa Franġisku awgura li din il-laqgħa sservi biex il-parteċipanti jirriflettu u jiċċelebraw il-fidi tagħhom fi Kristu skont il-kulturi nativi tagħhom u ħeġġiġhom jagħmlu mil-laqgħa opportunità biex jirrispondu għall-invit li jkunu kburin bl-istorja tal-popli tagħhom u jiffaċċjaw b’kuraġġ l-isfidi u jimxi ‘l quddiem mimlija tama li nibnu dinja ġdida. Stedinhom jirritornaw għall-kulturi ta’ arthom u jieħdu ħsieb l-għeruq għax hu mill-għeruq li jkollhom is-saħħa li tgħinhom jikbru, jiffjorixxu u jagħtu l-frott.

“Barra minn dan, il-laqgħa trid turi l-wiċċ indiġenu tal-Knisja fl-ambjent tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u naffermaw l-impenn tagħna li nipproteġu d-Dar Komuni tagħna u nikkollaboraww fil-bini ta’ dinja ġdida, aktar ekwa u aktar umana”, iżid il-messaġġ.

Papa Franġisku żied jgħid liż-żgħażagħ  indiġeni “Bla dubju, it-temi li se tirriflettu dwarhom, se jistimulaw it-tfittxija għal tweġibiet mill-perspettiva tal-Vanġelu, għall-ħafna sitwazzjonijiet, uħud minnhom skandalużi, ta’ sfruttament, emarġinazzjoni, esklużjoni u faqar li għalihom huma kundannati miljuni ta’ żgħażagħ.

“Jalla il-ħidma tagħkom u l-għarfien tal-għeruq tagħkom iservu ta’ reazjoni kontra l-kultura tar-rimi, il-kultura li ninsew l-għeruq li huma proġettati lejn futur anqas solidu u mingħajr sisien.

“Ġuvintur u tfajliet ħudu ħsieb il-kulturi tagħkom! Ħudu ħsieb l-għeruq tagħkom! Iżda tiefqux hemm. Ikbru, iffjorixxu u għatu l-frott minn dawk l-għeruq. Poeta qal li ‘dak kollu li tagħti s-siġra ġej minn taħt l-art’ – mill-għeruq, imma għeruq lejn jmexxuna lejn il-futur. Din hi l-isfida li għandkom illum” itemm jgħid il-messaġġ tal-Papa.

Sadattant sar magħruf li fil-Panama se jkun hemm aktar minn 12,000 żagħżugħ bejn is-16 u l-35 sena flimkien ma numru ta’ Isqfijiet mill-Istati Uniti.

Matul it-tliet ijiem ta’ attivitajiet fil-Panama b’diversi djoċesijiet madwar id-dinja se jkunu ċelebrati attivitajiet fuq l-istess tema tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.