600 minuri qed jiġu fostered

Read in English.

Sal-aħħar tas-sena l-oħra kien hemm madwar 600 minuri li kienu qed jingħataw post ta’ ħarsien alternattiv. Dan tħabbar minn Alfred Grixti, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) waqt l-ewwel konferenza ġenerali tal-fostering.

Grixti qal li sa l-aħħar tas-sena 2018 kien hemm 116 li kienu fostered minn familjari, 222 li kienu fostered mhux minn familjari, filwaqt li kien hemm 248 oħrajn li kienu fostered fi djar ta’ tfal. Filwaqt li saħaq li l-fostering m’għandux ikun privatizzat, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS qal li qed isir ħidma kontinwa biex dejjem jissaħħaħ iktar it-taħriġ tal-foster carers prospettivi. Dan qed iseħħ minħabba li fi kliemu, il-problemi u t-trawmi tat-tfal qed isiru dejjem iktar kumplikati. Huwa tkellem ukoll dwar is-suċċess tal-kampanja li tnediet is-sena l-oħra bl-iskop li tattira iktar nies biex ikunu foster carers ġodda. Infatti dawn zdiedu minn 74 fl-2017 għal 133 fl-2018. Grixti qal li l-allowance żdied minn €70 għal €100 fil-ġimgħa għal kull persuna li tkun fostered. Huwa ppropona li min jaddotta jibqa’ jieħu l-foster carers allowance sħiħ.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-Liġi tal-Protezzjoni tat-Tfal li se tidħol fis-seħħ fl-aħħar ta’ din is-sena. Permezz ta’ din il-liġi, fost l-oħrajn, se tiżdied il-possibilità li t-tfal li jkunu fostered jiġu addottati jekk ir-ritorn lejn il-familja bijoloġika ma jkunx għażla iktar realistika.

Il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-fostering huwa suġġett sensittiv u emozzjonali u għalhekk il-professjonisti qed jingħataw iktar awtorità sabiex jiddeċiedu fl-aħjar interess tat-tfal.