Madwar 5,000 proġett fis-sena f’għajnuna lil insara persegwitati

Insara persegwitati megħjuna minn Aid to Church in Need

L-Organiżazzjoi Pontifiċja tal-Karità  – Aid to Church in Need – li tgħin lill-insara persegwitati madwar id-dinja, fost il-proġetti li qed tmexxi bħalissa hemm dak li qed tagħti appoġġ finanzjarju lil studenti Sirjani biex ikomplu bl-istudji tagħhom.

Taħt il-gwida ta’ Papa Franġisku, Aid to Church in Need tipprovdi għajnuna umanitarja u pastorali kull fejn il-Knisja Kattolika tinsab persegwitata. Għal aktar minn 67 sena, din l-organiżazzjoni li għandha wkoll fergħa f’Malta, għenet lil persuni li kienu qed isofru u l-ifqar fost il-fqar f’aktar minn 145 pajjiż u kull sena twettaq madwar 5,000 proġett permezz tal-programmi ta’ għajnuna maħsuba biex il-Knisja Kattolika tkompli tissaħħaħ.

Wieħed mill-proġetti li qed twettaq bħalissa hu fis-Sirja fejn il-gwerra ċivili ħalliet ħafna familji f’faqar kbir fejn la għandhom biex jieklu sew u anqas biex iħallsu l-kera ta’ darhom aħseb u ara kemm għandhom biex iħallsu għall-edukazzjoni avanzata ta’ uliedhom.

Fit-tmien snin kemm ilu għaddej il-kunflitt fis-Sirja, din l-organiżazzjoni nvestiet b’aktar minn €3.5 miljun biex tgħin skejjel  u universitajiet fil-pajjiż. Dawn il-flus marru biex jgħinu studenti kattoliċi.

L-aġenzija tal-aħbarijiet “Zenith” irnexxielha tkellem uħud mill-istudenti Sirjani li gawdew minn din l-għajnuna li urew il-gratitudni tagħhom għal Aid to Church in Need.

Paskal Napki, wieħed minn dawn il-benefiċjarji qal li “Issa nafu li m’aħniex weħidna. Dan jimmotivana biex inkomplu l-istudji tagħna u fl-istess waqt ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn fil-belt tagħna, Homs.”

Student ieħor enfasizza kif l-edukazzjoni qed tgħin lill-insara f’dan ir-reġjun imfarrak bil-gwerra. “F’Homs batejna ħafna u ħafna familji tilfu kollox bil-gwerra. Li nista’ nkompli bl-istudji tiegħi għeni nibqa’ nittama u ferħan.  Issa rrid inkabbar l-għerf tiegħi u ngħin nies oħra”.

Student ieħor ta’ 21 sena qal li bħalissa qiegħed fir-raba’ sena ta’ studju fl-inġinerija tas-‘software’ u jittama li sena oħra jiggradwa iżda xtaq li jkompli l-istudju tiegħu biex jevita l-lieva.  Dan għaliex fis-Sirja l-irġiel ta’ 18-il sena jinqabdu bil-lieva jekk ma jkunux qed jistudjaw jew ma jkunux l-uniku tifel fil-familja.

L-insara li rnexxielhom jirritornaw lejn djarhom f’Homs irringrazzjaw lil dawk li jagħtu flus lil Aid to Church in Need għax bil-ġenerożità tagħhom il-familji tagħhom setgħu jiċċelebraw il-Milied f’atmosfera ta’ tama wara snin ta’ gwerra, biża’ u terrur u uliedhom jistgħu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom.