Madwar 3,000 persuna għall-funeral ta’ qassis li nqatel fl-Afrika t’Isfel

Fr Jozef Hollanders maqtul fl-Afrika t'Isfel

Nhar l-Erbgħa li għadda aktar minn 3,000 persuna nġabru għall-funeral ta’ Joseph Hollanders, qassis ta’ 83 sena, li nqatel fid-dar tiegħu fl-Afrika t’Isfel fit-13 ta’ dan ix-xahar, f’attentat ta’ serqa.

Il-funeral sar fil-Kattidral ta’ Klerksdorp li jinsab fil-belt ta’ Bodibe u fil-quddiesa funebri kkonċlċebraw aktar minn 100 saċerdot, uħud minnhom studenti tal-istess qassis u oħrajn li jaħdmu miegħu.

“Father Joseph kien jgħix ħajja umli u għalkemm f’età avanzata  kien etnużjasta ħafna u ried jibni knisja oħra u jirrinnova parroċċa oħra.  Ma kienx jiddejjaq imur f’żoni mbiegħda biex iżur lill-morda u lill-anzjani”, qal l-Isqof Victor Phalana, ta’ Klerksdorp, waqt l-Omelija.

Serqa armata

Hu maħsub li s-saċerdot anzjan kien vittma ta’ serqa armata. Fl-aħħar ġimgħat fl-inħawi fejn kien jgħix kienu rappurtati sensiela ta’ serqiet  u attakki fuq persuni.  L-awtoritajiet qed jissuspettaw li l-qassis kien fgat minn xi ħadd li daħal biex jisraq mid-dar tiegħu.

L-għada li nstab il-katavru tal-qassis, il-pulizija arrestat raġel ta’ 20 sena li kellu fil-pussess tiegħu it-telefon ċellulari tal-qassis maqtul. Xi jiem wara l-pulizija arrestat persuna oħra b’konnessjoni mad-delitt.

Fr Hollanders li twieled fi Flanders, fil-Belġju, kien ilu jaħdem bħala missjunarju fl-Afrika t’Isfel sa’ mill-1965.

Il-kongregazzjoni tal-Oblati ta’ Marija Immakulata qalu fi stqarrija  li jħossuhom ixxukkjat b’dan il-qtil, qalet l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES.

Il-ġisem mejjet tal-qassis instab minn wieħed mill-parruċċani li bħas-soltu mar id-dar biex jaqdih. Hu nstab b’idu u saqajh marbuta u b’ħabel imdawwar ma għonqu.

55 sena mal-foqra

Mons. Victor Phalana, Isqof ta’ Bodibe, il-ħallelin żgur li kienu nfurmati ħażin għax kulħadd kien jaf li Fr Hollanders ma kellux flus.  Kien jaħdem f’komunità fqira u kull sold li seta’ kellu nefqu għall-foqra u ta kull ma kellu.

Żied jgħid li l-komunità ekklesjastika ħadet daqqa kbira għax il-qassis maqtul kien ħabrieki, mimli ħajja u dedikat.  Kien jitkellem bil-lingwi mitkellma fl-inħawi u kien maħbub ħafna min-nies.

Fr. Hollanders twieled fil-Belġju fl-4 ta’ Marzu 1937 u kien ordnat saċerdot fDiċembru 1963 u mar jaħdem fl-Afrika t’Isfel fl-aħħar ta’ Jannar 1965.

Għal 55 sena ħadem bħala missjunarju fi provinċja fit-Tramuntana tal-Afrika t’Isfel. Kien iħobb joħloq komunitajiet insara ġodda li saru parroċċi fid-djoċesi ta’ Klerksdorp.