Madwar 2,000 tarbija jitwieldu f’Għawdex f’7 snin

Kważi 2,000 tarbija twieldu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fi żmien seba’ snin. Dan ħareġ fi statistika ppreżentata mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament.

Id-Deputat Nazzjonalist Chris Said għamel mistoqsija parlamentari dwar dan fejn staqsa kemm twieldu trabi bejn l-2013 u l-2019 f’Għawdex, kemm minn dawn kien ħlas normali u kemm minnhom kien hemm bżonn ċesarja. Staqsa wkoll kemm kien hemm nisa li kellhom jitniżżlu Malta biex iwelldu t-trabi tagħhom.

Il-Ministru Fearne qal li n-numru ta’ trabi li twieldu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li kellhom jiġu trasferiti lejn l-Isptar Mater Dei fin-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU) mill-2013 sal-2019 kien ta’ 29. Intant, matul l-istess żmien kien hemm total ta’ 1,332 mara li welldet normali u 621 li welldu b’ċesarja fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fearne qal li kien hemm 362 mara li welldtu permezz ta’ ċesarja elective u 259 mara li welldu b’ċesarja b’emerġenza.