Madwar 200 tunnellata ta’ skart organiku miġbura fil-proġett pilota

Il-proġett pilota dwar skart organiku se jidħol fit-tieni fażi tiegħu biż-żieda ta’ erba’ lokalitajiet oħra.
Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Godfrey Farrugia.
Il-ġbir ta’ skart organiku permezz tat-tielet borża beda bħala proġett pilota lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2015 f'ħames lokalitajiet. Fix-xahrejn li segwew inġabru b’kollox 195.86 tunnellata ta’ skart.
“Ir-rata ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku hi waħda inkoraġġanti ħafna mhux biss f'termini tal-ammonti miġbura iżda wkoll fil-kwalità tal-iskart miġbur li kien ukoll ta’ kwalità tajba” huwa qal. 
70% tal-iskart organiku miġbur inġabar minn lokalità waħda, dik ta’ Birkirkara. Il-lokalitajiet l-oħra li kienu qed jieħdu sehem f’dan il-proġett pilota kienu Bormla, Ħal Għaxaq, l-Imdina u Ta’ Xbiex.
Fid-29 ta' Jannar 2016, il-proġett se jidħol fit-tieni fażi tiegħu biż-żieda ta’ erba’ lokalitajiet ġodda: Marsaxlokk, Ħal Kirkop, l-Imġarr u s-Swieqi. Fit-tieni fażi, li se ddum tliet xhur, l-iskart organiku se jinġabar kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa.