Filmat: Madwar 200 Malti fuq il-Kilimanjaro s’issa

Mal-200 Malti laħqu l-quċċata ta’ 5,895 metru tal-muntanja Kilimanjaro fit-tlettax-il sena li ilha s-ssir din l-isfida. Ir-rata ta’ suċċess tal-Maltin fuq din il-muntanja hija waħda mill-ogħla fid-dinja.
Tim ta’ għoxrin persuna, b’etajiet u nazzjonalitajiet diversi, bħalissa qiegħed jitħarreġ biex fis-27 ta’ Diċembru li ġej jibda t-tlugħ u hu mistenni li jasal fil-quċċata madwar għaxart ijiem wara.
KC11, kif inhu magħruf il-proġett li jmiss, ser jiġbor fondi biex titkompla u titlesta skola f’Wush Wush fl-Etjopja.
Il-koordinatur ta’ din l-isfida, Keith Marshall, saħaq li hemm bżonn bejn €70,000 u €75,000 biex jitlesta l-proġett li se joffri l-ewwel skola ta’ din it-tip f’din iż-żona li fiha jgħixu 800 familja.
Marshall qal li bħalissa t-tim għaddej minn taħriġ biex jissaħħaħ fiżikament u aktar ma jgħaddi ż-żmien, it-taħriġ ser jiżdied u jsir aktar intensiv biex ikunu kapaċi jitilgħu din il-muntanja li “jistħoqqilha rispett kbir”.
Peress li Malta prattikament qiegħda fil-livell tal-baħar, it-taħriġ huwa intiż biex it-tim jinbena fiżikament u mentalment biex ikun kapaċi jitla’ fil-għoli mingħajr ma jinqalgħu problemi. “Infatti, waqt it-tlugħ, nieqfu għal numru ta’ sigħat biex il-ġisem jidra l-arja b’inqas ossiġnu minn dak li aħna mdorrijin bih,” qal Marshall.
Meta tkellem ma’ Newsbook.com.mt Marshall qal li, “Inħossni kburi li s’issa nġabru mas-€700,000 fi proġetti li għamilna fl-Etjopja u fil-Kenja. Dawn il-proġetti huma amministrati mill-Moviment Missjunarju Ġesù fil-Proxxmu. Minbarra l-fatt li ħafna tfal u familji bbenefikaw minn dawn il-proġetti, il-membri tat-timijiet li ħadu sehem kollha gawdew minn sodisafazzjon u tkabbir personali.”
Marshall temm jgħid li kemm ilha li żviluppat il-midja soċjali, il-Kilimanjaro Challenge ħadet ir-ruħ. “Għaddejna minn żmien fejn ma konniex qed insibu nies li jieħdu sehem. Permezz tal-midja soċjali rġajna qbadna ritmu sodisfaċenti ħafna. Imnalla kien Facebook!”
Kull min jixtieq jgħin f’dan il-proġett jista’ jċempel fuq in-numru 51502084 għal għotja ta’ €5, 51602028 għal €10, 51802095 għal €25 jew jibgħat sms fuq in-numru 51502084 għal għotja ta’ €2.33 jew 51602028 għal għotja ta’ €4.66.
Żur www.kilimanjarochallengemalta.com għal aktar informazzjoni u aħbarijiet.