Madrid titlob għal iżjed tobba u pulizija minħabba żieda fil-każijiet ta’ coronavirus

REUTERS/Susana Vera

Ir-reġjun ta’ Madrid fi Spanja, nhar l-Erbgħa, talab għajnuna urġenti sabiex jimpjega mijiet ta’ tobba barranin u jsaħħaħ il-pulizija hekk kif kienu reġistrati 1,290 każ ġdid ta’ infezzjonijiet ta’ coronavirus filwaqt li qed tkun kunsidrata wkoll estensjoni ta’ lockdown parzjali f’żoni oħra.

Dan l-għadd ta’ każijiet ġodda huwa kwart ta’ l-4,143 każ ġdid reġistrati f’dawn l-aħħar 24 siegħa madwar il-pajjiż kollu. Ir-reġjun kapitali fil-fatt, kien l-agħar li ntlaqat minn din it-tieni mewġa ta’ COVID-19, fejn l-għadd ta’ mwiet u infezzjonijiet laħqu l-istess livelli reġistrati f’Mejju li għadda.

Madrid ilha minn nofs il-lejl ta’ nhar it-Tnejn li għaddew li bdiet trażżan il-moviment bejn xi distretti fejn b’kollox joqgħodu madwar 850,000 ruħ.

Ignacio Aguado, deputat kap tal-gvern reġjonali qal li r-reġjun għandu bżonn madwar 300 tabib minn barra l-Unjoni Ewropea li kienu ħadmu meta kienet seħħet l-ewwel mewġa tal-pandemija, iżda li ma jistax impjegahom minħabba serje ta’ regolamenti kumplikati.

Huwa talab ukoll lill-gvern ċentrali għal madwar 222 uffiċjal tal-pulizija nazzjonali sabiex jgħinu fl-infurzar tal-kwarantina u japplikaw il-multi fejn ikun hemm bżonn, f’dawk id-distretti li jinsabu f’lockdown parzjali.

Nhar it-Tnejn, l-awtoritajiet f’Madrid talbu lill-gvern ċentrali għall-għajnuna mill-armata sabiex jgħinu fis-sitwazzjoni madwar il-kapitali Spanjola, fejn l-egħluq parzjali ta’ xi żoni iżjed foqra wassal għal protesti.

“Iddeċidejna li nitolbu b’mod formali għal għajnuna loġistika militari sabiex ninstallaw tined ta’ l-isptarijiet, inwettqu testijiet u niddisinfettaw dawk iż-żoni li jinsabu taħt restrizzjonijiet,” qal Aguado nhar l-Erbgħa li għaddew.

Ir-residenti li joqgħodu fiż-żoni l-iżjed foqra fejn ir-rati ta’ infezzjoni huma l-ogħla, qalu li dawn il-miżuri mhux biss huma ineffiċjenti iżda wkoll inġusti.

“Il-ġlieda kontra l-virus ma ssirx billi tagħlaq lin-nies iżda billi tiżgura li jkun hemm kura tas-saħħa primarja effettiva li ssib min hu pożittiv u negattiv u jingħalqu biss ġewwa, dawk li huma verament infettati,” qalet Nieves Marcos, irtirata li toqgħod fid-distrett ta’ Usera, wieħed mid-distretti taħt lockdown parzjali.

Minn informazzjoni reġjonali dwar is-saħħa maħruġa nhar it-Tlieta li għaddew, l-għadd ta’ żoni fejn ir-rata ta’ infezzjonijiet COVID-19 kienet ta’ iżjed minn 1,000 persuna għal kull 100,000, kienet żdiedet b’kważi 50% għal 53.

Uffiċjali qalu li r-restrizzjonijiet jistgħu jiżdiedu wara din il-ġimgħa u kapaċi jiddaħħlu iżjed miżuri skond il-bżonn.

Madrid tgħodd terz tal-każijiet kollha ta’ coronavirus fi Spanja u għandha l-ogħla rata ta’ okkupanti fi sptarijiet li huma morda bil-COVID-19.

L-għadd kumulattiv ta’ infezzjonijiet konfermati ta’ coronavirus fi Spanja żdied minn meta ntemm il-lockdown nazzjonali fl-aħħar ta’ Ġunju u issa t-total huwa dak ta’ 682,267 – l-ogħla rata fil-punent ta’ l-Ewropa. S’issa, fi Spanja mietu iżjed minn 30,900 persuna kawza ta’ COVID-19.