Madonna titlef appell fil-qorti; Affarijiet personali tagħha se jitħallew jinbiegħu f’irkant

Ritratt: Chris Weger

Qorti tal-appell ċaħdet it-talba ta’ Madonna biex twaqqaf il-bejgħ ta’ affarijiet personali tagħha li jinkludu ittra mill-eks maħbub tagħha Tupac Shakur.

Il-kantanta ta’ 60 sena kienet qiegħda tfittex lil Darlene Lutz ta’ Gotta Have It! Collectables minħabba li kienet qed tbigħ affarijiet li “sparixxew” fi żmien li kienet qed iċċaqlaq minn Miami fl-2004 reġgħu tfaċċaw fuq is-sit f’Lulju tal-2017 biex jinbiegħu f’irkant onlajn.

F’April tas-sena l-oħra, il-qorti f’Manhattan ma komplitx tisma’ dan il-każ minħabba li l-kantanta kienet ħalliet wisq żmien jgħaddi biex tiftaħ kawża.  Madonna ma kienitx kuntenta b’din id-deċiżjoni u rrikorriet fil-qorti tal-appell, iżda anki hawn il-qorti ċaħdet it-talba tal-kantanta.

Apparti l-ittra mill-eks maħbub ta’ Madonna, l-affarijiet kienu jinkludu brush li fuqha hemm xagħar il-kantanta, kif ukoll ħwejjeġ intimi tas-satin.

Intant, fil-ġranet li ġejjin, Madonna se tkun qed tniedi l-14-il album tagħha Madame X li għalih hi se tkun qed tagħmel diversi kunċerti f’diversi teatri kemm fl-Istati Uniti, kif ukoll madwar l-Ewropa, b’ħafna dati li diġa huma mibjugħin.