Madonna tibbanja l-mobajls u l-kameras waqt it-tour tagħha

Ritratt: Instagram

Madonna bbanjat il-mobajls u l-kameras kollha waqt it-tour Madame X. Il-kantanta qed tagħmel dak kollu possibbli biex il-kunċerti li se tagħmel fit-teatri jkunu l-aqwa li qatt tat. Biex tikseb dan il-għan u ma jkunx hemm distrazzjonijiet waqt l-ispettaklu ngħaqdet mal-kumpanija Ticketmaster biex ix-shows ikunu esperjenza ħielsa mill-mobajls.

F’email mibgħuta lil min jixtri l-biljetti se jkun hemm miktub li “L-użu tal-mowbajls, smart watches, smart accessories, kameras jew apparat ta’ recording mhux se jitħallew jidħlu fejn isir l-ispettaklu. Qabel tidħol fil-bini ċċekkja sewwa l-post ta’ fejn hu s-seat tiegħek — wara li l-biljett ikun scanned ma tkunx tista’ taċċessa l-mobile ticket. Kull min jinqabad juża l-mobajl waqt l-ispettaklu jinħareġ ’il barra mill-post.”

Biex tkun ċerta li ħadd ma juża l-mobajl Madonna ngaġġat il-kumpanija Yondr biex jagħtu pouches għalihom li jissakkru u li jinfetħu biss wara li jkun spiċċa l-ispettaklu tagħha. Iżda din il-mossa ma ntlaqgħetx tajjeb minn xi wħud għad li kien hemm min ħa pjaċir biha.

Fost dawk li kitbu dwar dan ta’ min isemmi “Nirringrazzja lill-Mulej. Xbajt min jimblukkani bil-mobajls u l-kameras u ma jħallinix nara l-palk”; “Mossa eċċessiva imma wieħed jifhimha”; “Madonna trid li wieħed igawdi l-ispettaklu tagħha live mhux fuq l-iskrin iż-żgħir tal-mobajl”.

It-tour Madame X jibda fi New York dan ix-xahar u jasal l-Ingilterra f’Jannar 2020 meta Madonna jkollha l-kunċerti tagħha fil-London Palladium.