Madonna tgħid li La Scala ta’ Milan ma jridux nies bħalha fuq il-palk tagħhom

Waqt intervista li l-kantanta Madonna tat lil ġurnal Taljan hija sostniet li waqt it-tour mondjali tagħha Madame X li jibda f’Settembru hi xtaqet li tagħti spettaklu f’La Scala ta’ Milan imma ma ħallewhiex. “Ma jridux nies bħali,” saħqet.

It-teatru La Scala, kif jidher minn ġewwa

Fil-fatt waqt it-tour ta’ Madonna hi se tkanta biss f’teatri tal-opri, bl-ewwel kunċert ikun fit-12 ta’ Settembru fl-Opera House ta’ New York. It-tour ikompli s-sena d-dieħla fl-Ewropa imma s’issa għad ma hemm l-ebda post imsemmi li lest jilqa’ lil Madonna, speċjalment La Scala.

L-aħħar album tagħha Madame X tela’ fl-ewwel post f’aktar minn 50 pajjiż differenti.
Madonna qalet li hi kuntenta li waqt kull kunċert ikun hemm bejn 400 u 500 spettatur biex isegwu liż-żeffiena, lill-mużiċisti u lix-xenarju li sar apposta għal fuq il-palk. Kien hemm xniegħa li t-tour kien se jkun flopp għax il-biljetti għad-dħul mhux qed jinbiegħu. Madonna ċaħdet dan u qalet li nbiegħu 90 fil-mija tagħhom.

Hija tkellmet ukoll dwar il-mument storiku li għaddejja minnu d-dinja bħalissa fejn jidher li qed jixxettel il-popoliżmu f’diversi pajjiżi.

“Fi żminijiet ta’ kriżi u faqar, il-poplu għandu t-tendenza li jkun beżgħan ħafna u jitfa’ r-responsabbiltà kollha ta’ kollox fuq oħrajn, bħall-immigranti, l-istranġieri u dawk nies li ma jidhrux li jkunu jaqblu ma’ kif ikunu jaħsbuha huma,” temmet tgħid il-kantanta.