Mad-€39,000 mhux iddikjarati jinstabu fi 3 każi separati

Kważi €39,000 mhux iddikjarati ġew ikkonfiskati mid-Dipartiment tad-Dwana fi tliet każi separati li seħħew fl-istess jum.

Fi stqarrija ġie spjegat li lbieraħ, żewġ persuni barranin li kienu se jivjaġġaw lejn Istanbul minn Malta instab li kienu qed iġorru mas-€26,000 mhux iddikjarati hekk kif kienu se jitilgħu fuq it-titjira. Intant, passiġġier ieħor Malti li kien sejjer lejn Sqallija bil-katamarann instab li kellu fuqu kważi €13,000.

L-uffiċjali tad-Dwana mit-tim ta’ kontra l-ħasil tal-flus waqqfu żewġ passiġġiera fiż-żona ta’ tluq fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li l-kelb Charlie tagħhom indikazzjoni pożittiva. Il-passiġġiera li kellhom jitilgħu fuq it-titjira lejn Istanbul minflok ittieħdu fl-uffiċċju tad-Dwana fejn sar it-tiftix. B’kollox ġew elevati €11,015 minn fuq passiġġier u €14,630 minn fuq passiġġier ieħor. Il-passiġġiera ngħataw lura l-ammont massimu li setgħu iġorru fi flus kontant, jiġifieri ta’ €10,000.

Intant, l-istess kelb għamel sejba oħra fis-Seaport meta ta indikazzjonijiet dwar karozza li kienet sejra lejn Sqallija. Wara tiftix li sar fil-karozza nstab li kien hemm total ta’ €12,760. L-ammont żejjed ta’ flus ġie kkonfiskat mid-Dwana.