Mad-dħul tat-tfal se nkunu lesti; fadal mistoqsijiet kbar – għalliema tal-iskejjel tal-Gvern

Miguela Xuereb

Għalliema li taħdem fl-iskejjel tal-Gvern u li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt assigurat lill-ġenituri li malli l-istudenti jidħlu l-iskola, l-għalliema tal-Gvern se jkunu “prontissimi u lesti”. Dan minkejja li skont l-istess għalliema, l-edukaturi għadhom qed jiffaċċjaw mistoqsijiet li hija ddeskriviethom bħala ‘kbar’

Hi qalet dan fid-dawl ta’ kritika li qamet fl-aħħar jiem b’rabta mal-ftuħ tal-iskejjel u l-posponiment ta’ dan minħabba li l-iskejjel kienu għadhom mhux lesti biex jilqgħu l-istudenti fi ħdanhom. Nhar it-Tnejn l-edukaturi daħlu lura f’107 skejjel statali madwar il-pajjiż biex tingħata bidu għas-sena skolastika 2020/21, wara li fil-ġimgħat li għaddew ġew implimentati aktar minn 50 miżura u wara li sar l-assessjar tar-riskji fl-iskejjel kollha.

“Sfortunatament mhux l-istess jista’ jingħad għal studenti oħrajn li se jidħlu tard. Ilbieraħ l-edukaturi statali daħlu lura għal sena ġdida. Nixtieq nesprimi li d-deċiżjoni li l-istudenti jidħlu iktar tard mid-data oriġinali u gradwalment, fiha sens. L-għalliema fi skejjel statali ukoll huma dedikatissimi u xtaqu jippreparaw aħjar. Hija weġgħa li tiġi kkunsidrat inqas ta’ valur anki meta tipprova tiddedika ħajtek għat-tagħlim għaliex tkun edukatur,” irrimarkat l-għalliema.

Hi kompliet tgħid kif l-għalliema ngħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar kif se jitmexxew l-iskejjel it-Tnejn, u sostniet li għad fadal ħafna x’jiġi kkjarifikat. Irrimarkat li hemm nuqqas ta’ policies biex kull Kap ta’ Skola tal-Gvern ikun jista’ jimxi b’mod omoġenju fl-iskejjel. Spjegat li ħafna xogħol ta’ mitigazzjoni kontra l-coronavirus sar, iżda fejn jidħlu drittijiet u dettalji li jirrispettaw l-edukaturi bħala professjonisti, fadal mistoqsijiet kbar.

Uħud mill-mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba jinkludu:

  • Jekk hux finalizzati l-listi tal-istudenti fil-‘bubbles’ f’kull klassi,
  • Kif se tiġi indirizzata d-diffikultà li wieħed jgħallem studenti f’livelli differenti ġol-istess klassi,
  • Jekk hux tiġi nnotata l-istennija twila li l-edukaturi qed jesperjenzaw biex jidħlu fl-iskola u jiffirmaw,
  • Il-protokolli dwar l-użu komuni tal-kċejjen u toilets minn ħafna impjegati,
  • Jekk hemmx biżżejjed edukaturi biex jagħmlu superviżjoni ma’ kull klassi waqt breaks u ħin liberu.

L-għalliema insistiet li dan kollu huwa riżultat tal-ittardjar eżaġerat mit-task force għal Covid-19, flimkien man-natura kbira u kumplessa tas-sistema skolastika tal-istat.

“Id-data tal-ftuħ tat-28 ta’ Settembru ilha mfassla minn qabel ma waqafna f’Marzu. L-assenza ta’ xenarji u protokolli fix-xhur li għaddew għaldaqstant kellha twassal għal bidu pospost għal eluf ta’ studenti fi skejjel statali,” kompliet tgħid l-għalliema.

Spjegat li b’dan il-mod, l-edukaturi se jilħqu jorganizzaw ruħhom ahjar.

Hi fakkret fl-istqarrija li għamlu l-avukati minhabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-protokolli għall-Covid-19 li qed isibu meta jżuru l-Qorti. “Immaġina edukatur isib l-istudenti ma’ wiċċu wara jumejn mingħajr risposti ċari u mingħajr laqgħat għal informazzjoni kruċjali,” sostniet hi.

“Lill-ġenituri ngħidilhom, tinkwetawx, meta jidħlu l-istudenti se nkunu prontissimi u lesti,” insistiet l-għalliema. Kompliet billi rringrazzjat lill-kapijiet tal-iskejjel statali u assistenti-kapijiet għax-xoghol triplu li qed jieħdu biex dejjem jibdlu l-ippjanar skond l-aħħar protokolli u ċirkostanzi. Irringrazzjat ukoll lill-Unjins għall-posponiment tal-istudenti fl-iskejjel statali, “ġaladarba l-ippjanar b’komunikazzjoni mal-istakeholders kollha ma sarx qabel u f’waqtu.” Qalet li min ħadem u kien pront, jimmerita li jibda s-sena skolastika kif xieraq u mhux ikun pressat biex jipposponi.

L-għalliema appellat lill-attivisti sabiex bħala jkunu voċiferi fejn tidħol il-politika u l-poteri madwar dan, ikunu voċiferi wkoll fejn tidħol l-edukazzjoni sabiex din ukoll tingħata l-importanza li hemm bżonn.

L-iskejjel tal-Gvern reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għall-ħaddiema lbieraħ, filwaqt li l-istudenti se jibdew skola fis-7 t’Ottubru, iżda mhux l-istudenti kollha. Dan għaliex dik il-ġimgħa, l-istudenti se jibdew skont kif imisshom, skont liema sena qegħdin fiha. L-iskejjel tal-Knisja se jagħmlu bħall-iskejjel tal-Gvern, filwaqt li ħafna skejjel indipendenti fetħu lbieraħ xorta waħda għax kienu diġà ħejjew li kellhom bżonn biex jaqblu mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.