Mad-900 ħaddiem tat-turiżmu applikaw biex jgħinu fil-contact tracing

Miguela Xuereb

Read in English.

Aktar minn 900 ħaddiem fil-qasam tat-turiżmu applikaw biex jgħinu fl-iskema tal-contact tracing.

Din l-iskema tnediet il-ġimgħa li għaddiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) flimkien mal-Malta Enterprise.

L-għan warajha huwa li l-awtoritajiet tas-saħħa jiġu megħjuna jipprovdu servizz ta’ contact tracing aktar effiċjenti għal nies li għandhom il-coronavirus. Fl-istess waqt, din l-inizjattiva qed tgħin lill-impjegati fis-settur turistiku biex jużaw il-ħin tagħhom b’mod produttiv waqt li s-settur tagħhom ħa daqqa ta’ ħarta bl-imxija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg qal li rċivew aktar minn 630 applikazzjoni, uħud minnhom sottomessi minn kumpaniji f’isem l-impjegati tagħhom. Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ferħet b’dan in-numri ta’ applikanti.

L-applikazzjoni issa se jiġu vvettjati biex jaraw li l-applikanti għandhom il-ħiliet meħtieġa biex iwettqu x-xogħol. Dawk li jintgħażlu jistgħu jsirulhom intervisti mill-awtoritajiet tas-saħħa.