​Macron lil Erdogan: Le għal Turkija fl-Ewropa

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal lill-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan li fil-preżent, m’hemm l-ebda possibbiltà li jsir progress fil-kwistjoni tad-dħul tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet bejn iż-żewġ kapijiet, Macron qal li kien hemm diżgwid dwar id-drittijiet umani fit-Turkija wara l-attentant  ta’ kolp ta’ stat li seħħ fl-2016.
Min-naħa tieħu, Erdogan qal li t-Turkija għejjiet tittallab biex tidħol fl-Unjoni Ewropea. Meta ġurnalist staqsieh mistoqsija dwar allegazzjoni li t-Turkija bagħtet xi armi lejn is-Sirja, Erdogan beda jgħajjat miegħu. Qallu biex joqgħod attent dwar kif ipoġġi l-mistoqsijiet.
Waqt il-konferenza, il-President Franċiż qal li kien wasal iż-żmien li tintemm l-ipokrezija. Jiġifieri biex ma tkunx ikkreata l-illużjoni li kien hemm xi ċans li t-Turkija tista’ tidħol fl-Unjoni Ewropea f’dan il-mument.