Macron jitlob lil Sarkozy għall-għajnuna

Il-President Franċiż Emmanuel Macron talab lill-eks President Nicolas Sarkozy għall-għajnuna wara li l-protesti tal-ġkieket sofor baqgħu ma battewx.

Dan qiegħed jitqies bħala sinjal li l-influwenza tal-eks mexxej fuq il-President qiegħda tikber.

L-uffiċċju tal-President qal li wara xahar ta’ protesti fit-toroq, Macron avviċina lil Sarkozy darbtejn.

Fis-7 ta’ Diċembru, it-tnejn kielu flimkien ftit qabel l-iktar protesti vjolenti mxew għall-iktar inħawi sinjuri f’Pariġi. Huma ddiskutew kif qed tinżamm l-ordni, u l-miżura tal-eżenzjoni mit-taxxi fil-każ ta’ xogħol overtime. Il-Ħadd li għadda, Macron bagħat lil Sarkozy biex jirrappreżenta lil Franza għall-ħatra tal-President Ġorġjan ġdid – mossa li kkawżat diżgwid fiċ-ċirku politiku tal-pajjiż.